Fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela tenna li dan il-Gvern hu wieħed li jieħu d-deċiżjonijiet favur il-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.
Fost dawn id-deċiżjonijiet, hemm dik li l-Gvern immexxi minnu assigura li pajjiżna jkollu linja nazzjonali tal-ajru.
“Dan huwa Gvern li ma jiddejjaqx jieħu d-deċiżjonijiet. Deċiżjonijiet tajbin għal-lum u li uliedna igawdu minnhom għada wkoll. U l-Malta li rridu għal uliedna, irridu nfassluha flimkien. Il-ħin kollu, ta’ kuljum irrid nisma’ l-aspirazzjonijiet tagħkom.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Il-Mexxej Laburista tenna li d-deċiżjonijiet min-naħa tal-Gvern ma jistgħux isiru jekk ma jkollux partit b’saħħtu warajh. Hawn anke rrimarka l-importanza li l-Partit Laburista fil-Gvern li jisma’ m’għand in-nies u jaġixxi.
“Kellimtuni dan l-aħħar fuq il-prezzijiet tal-mediċini. Tellaqt proċess mal-awtoritajiet tagħna biex isir skrutinju u jimbottaw għal reviżjoni ta’ ċerti prezzijiet. Inħares ’il quddiem li fil-ġimgħat li ġejjin inkunu f’pożizzjoni li nħabbru reviżjoni l-isfel fil-prezz ta’ numru ta’ mediċini.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Minn naħa l-oħra, il-Prim Ministru tenna li l-Partit Nazzjonalista, bil-kontra tal-Gvern jibqa’ bl-istess riċetta, dik li jixħet il-piżijiet fuq in-nies.
“Lil dawn ngħidilhom li aktar ma jiżdiedu l-attakki, aktar tissaħħah fija r-rieda li nwettaq b’mod dejjem aqwa l-mandat li intom fdajtuni bih. Aħna ffukati fuq kif se nibqgħu ntejbu dan il-pajjiż.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Bil-kontra tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru sostna li Gvern Laburista se jkompli bl-għajnuna favur il-familji u n-negozji.
“Qatgħu qalbhom minn issa, aħseb u ara kieku xi ħadd jafdahom imexxu. Ara jien kull fejn nista’ ngħinkom mhu se naqta’ qalbi qatt u se nibqa’ warajkom, ngħinkom b’qalbi saħħti kollha.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, f’Ġunju li ġej, il-Prim Ministru tenna li kull tellieqa tibda xejn b’xejn u l-fiduċja rridu u naħdmu għaliha kuljum.
Intqal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm biex jipprova jimmina lil pajjiżna. Eżempju ċar ta’ dan hemm dak li ġara qabel il-laqgħa tal-MED 9, li saret f’pajjiżna, fejn bagħtu ittri kollha allegazzjonijiet għax ma ħamlux li kienu ġejjin daqshekk mexxejja.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-pajjiż irid jieħu deċiżjonijiet skont dak li jeħtieġu l-ħafna u mhux il-ftit u hawnhekk semma li l-Gvern se jniedi riforma li l-enfasi tagħha tkun li f’pajjiżna jiġu biss ħaddiema ta’ kwalità, li jagħmlu ġieħ lil pajjiżna.
“Nibqgħu nippremjaw il-bżulija. Ejja ħa nibqgħu nippremjaw il-ġid. Nippremjaw lil min irid isaħħaħ u jtejjeb il-komunità. Ngħinu lil min l-iktar fil-bżonn. Inkomplunsaħħu l-ekonomija, biex tkun sostenibbli fit-tul. Nieħdu ħsieb l-ambjent tagħna. Nieħdu ħsieb is-sigurtà ta’ pajjiżna. Għax hekk nilħqu l-livell li jmiss. Din hija l-viżjoni tiegħ, din hija l-viżjoni tagħna għall-għaxar snin li ġejjin. Għaxar snin oħra ta’ ħidma u suċċessi. Biex Insaħħu Malta Tagħna.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela