Stabbiltà u serħan il-moħħ.
Kienu dawn iż-żewġ kelmiet, li bihom il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva l-ftehim li laħaq il-Gvern mal-importaturi u s-sidien tas-supermarkets biex għad-disa’ xhur li ġejjin, mijiet ta’ prodotti essenzjali tal-ikel jaraw roħs fil-prezzijiet tagħhom.
“400 prodott skorrut, illi kieku m’għamilniex dan l-intervent aggressiv u ambizzjuż, kieku kien ifisser illi l-ġimgħa d-dieħla immorru nagħmlu x-xirja s-supermarket u tgħid ara reġa’ ogħla, tmur ġimagħtejn wara u tgħid reġa’ ogħla. B’dak li għamilna se niggarantixxu stabbiltà u serħan il-moħħ li l-prezz ta’ dawk il-prodotti se jibqgħu stabbli.”
Hawnhekk fakkar kif dwar l-isfida tal-għoli tal-ħajja, l-oppożizzjoni riedet tħalli s-suq isuq, iżda l-Gvern intervjena u ġab l-istabbiltà.
“Jekk dak il-ftehim wasalna għalih biex ftehim mal-importaturi wieħed, wieħed, jekk wasalna fi ftehim mas-sidien tas-supermarkets, jekk poġġejna mal-medja tad-djalogu u dak li għamilna, għamilnih bi qbil, għaliex tibqa’ l-oppożizzjoni tkun kontra.”
Quddiem nies minn kull qasam tal-ħajja, Robert Abela semma kif dan il-Gvern għadu sal-lum jinvesti miljun kbar ta’ ewro biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil ukoll, biex l-isfidi li ġabet magħha x-xena internazzjonali ma jbatuhomx il-Maltin u l-Għawdxin.
Innota wkoll kif dan huwa gvern li bil-fatti jservi ta’ spalla għall-anzjani. Sa din il-ġimgħa stess tqassmu l-pagamenti lil dawk li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni u lill-anzjani li jgħixu waħedhom fi djarhom.
F’diskors pożittiv, Robert Abela ta kelma lill-Maltin u l-Għawdxin.
“Ħbieb tiegħi kelma waħda nixtieq nagħtikom illum, dan huwa gvern li l-interess ta’ min fdah bit-tmexxija tal-pajjiż, se jżommu fuq quddiem nett u mhu se jwarrbu qatt. L-interess tan-nies jiġi l-ewwel u qabel kollox.”