Il-Partit Nazzjonalista kompla jġib l-iskużi u issa ħareġ b’waħda ġdida għall-fatt li għaddiet iktar minn ġimgħa minn meta ġie ppreżentat il-baġit għas-sena d-dieħla u l-Pre-Budget Document tal-Oppożizzjoni għadu mhux lest.
Fil-fatt waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo, wieħed mill-awturi tal-Pre-Budget Document, li kif żvelat, fih ħafna żbalji bażiċi u proposti bla sustanza tant li l-esperti kitbulu li “needs more work” u “needs more beef”, kien pront jgħid li dan id-dokument huwa wieħed intern u l-pubbliku mhux suppost jarah.
“Dan huwa dokument intern.”
Dan minkejja li l-iskop tal-Pre-Budget Document huwa li jippreżentah lill-poplu biex jara x’miżuri jfassal li kieku l-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern.
Però meta pressat minn ONE News, tfixkel u żvela hu stess li dan id-dokument għadu fil-fatt “works in progress” minkejja li hu u diversi deputati oħrajn mal-Kap tagħhom Bernard Grech, bdew jaħdmu fuqu minn Settembru.
“Dan huwa works in progress, dokument intern, li qed inkomplu nżidu.”
Però fl-istess konferenza, il-ġurnalista ta’ ONE News ma setatx tistaqsi l-mistoqsijiet tagħha b’mod liberu minħabba li Christine Amaira, eks ġurnalista ta’ NET News, li ma kienet tiddejjaq minn wiċċ ħadd u issa parti mill-komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, bdiet il-ħin kollu tinterrompi u saħansitra tidħol f’wiċċ il-ġurnalista, u għalhekk il-mistoqsijiet bdew jinqatgħu fin-nofs.
ĠURNALISTA: “Jimporta qed nipprova nsaqsi. Suppost taf x’għandi nagħmel.”
Sadanittant, preżenti kien hemm id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia.
Hawnhekk , meta Delia ġie mistoqsi dwar jekk jaqbilx mal-Kap tiegħu Bernard Grech meta qal li ħa gost għax il-Pre-Budget Document tagħhom stess ġie illikjat minn xi ħadd, viżibilment skomdu, ħass li ma kellux iwieġeb, la iva u lanqas le, biex la jfuħ u lanqas jinten.
“Mhux kwistjoni li tieħu gost jew le. An internal document is an internal document.”
Fl-istess nifs fakkar fl-inkompetenza tal-Partit Nazzjonalista, li lanqas sena ilu ma kienu kapaċi joħorġu dan it-tip ta’ dokument. U bħal sieħbu Ivan Castillo, li kien għaxxaqa ftit qabel, reġa sostna li dan huwa dokument intern u mhux ta’ quddiem in-nies.
“Id-deċiżjoni li ma jiġix ippubblikat ma tteħditx dis-sena għax anki s-sena l-oħra ma ġie ippubblikat. It is an internal document.”