“Dan huwa budget ta’ pajjiż li qed jieħu r-ruħ wara l-pandemija.”
Hekk stqarr id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’.
Fearne stqarr kif madwar sena u nofs ilu l-Gvern kien ħa deċiżjoni li jagħti prijorità lis-saħħa fid-dawl tal-pandemija iżda għaraf li biex ikollok ekonomija b’saħħitha jrid ikollok poplu b’saħħtu.
Stqarr kif din id-deċiżjoni kienet waħda wkoll favur l-ekonomija.
Spjega kif Malta hija l-aħjar fid-dinja fl-irkupru tal-Covid skont l-indiċi tan-Nikkei Asia.
Fost l-oħrajn innota kif dan huwa Budget ambjentali b’miżuri li jindirizzaw il-bżonn li f’pajjiżna jkollna iżjed spazji miftuħa.
Dwar il-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li tkellem dwar id-defiċit, id-Deputat Prim Ministru stqarr kif id-defiċit sar minħabba l-għajnuna kbira li l-Gvern ta lill-familji u n-negozji.
Hawnhekk semma lista twila ta’ għajnuna fosthom l-għoti tal-vouchers tal-mitt ewro għal darba darbtejn u l-investiment qawwi f’ilbies protettiv għall-ħaddiema tas-saħħa.
Id-Deputat Prim Ministru qal li“meta l-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li ma messniex għamilna defiċit f’din is-sena tal-pandemija, qed jgħid li ma messniex għamilna dawn l-affarijiet kollha. U x’kienet tkun l-alternattiva? L-alternattiva kienet tkun qgħad, faqar, fallimenti, mard u mwiet. Għalina dan ma kellux post fuq l-aġenda tagħna, għalina is-saħħa, ix-xogħol u l-għajxien jibqgħu prijorità.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana tkellem dwar il-kritika li saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-finanzjament tal-Gvern.
Dwar il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż huwa innota li qed tingħata l-impressjoni minn uħud li qed jgħidu li dan il-Budget b’xi mod qed jitfa’ piż ġdid fuq il-finanzi tal-pajjiż.
Stqarr kif kull miżura li tħabbret fid-diskors ingħata rendikont ta’ kemm ser tiswa u kemm minnha ser igawdu nies.
Huwa qal kif il-Partit Nazzjonalista huwa l-istess Partit li fl-2012 daħħal lil pajjiżna fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
Qal li din ġrat lilhom għaliex m’għandhomx kredibbilità fil-qasam fiskali ta’ pajjiżna.
“U l-bieraħ għamilt ukoll numru ta’ minuti ngħolli l-front pages tal-gazzeti. “Ser infallu, ħa ngħalqu, hemm ser jitkisser, ser jitkeċċew in-nies.” Ġara xi ħaġa minn dak kollu li printjajtu s-sena l-oħra? Le. Le ma ġarax. U ma ġarax mhux b’kumbinazzjoni. Ma ġarax għaliex dak li qiegħdin nagħmlu konvinti minnu. Il-politika fiskali li qed inħadmu. Il-mod diskrezzjonarju, jiġifieri meta l-Gvern ikun irid jonfoq b’mod li jiffoka f’ċertu setturi huwa magħmul bi ħsieb” qal il-Ministru Caruana.