B’iljieli u ġranet twal ta’ terrur, kompliet il-battalja bejn l-Iżrael u l-Palestina.
Matul il-lejl tat-Tnejn, l-Iżrael sparat iktar minn mitejn missila lejn Gaza bi tpattija għal dak li għamel l-grupp militanti Palestinjan Hamas li ħalla 900 persuna mejta fl’Iżrael.
Il-Prim Ministru Iżraeljan qal li se juża l-ikbar forza biex il-Palestina tpatti għal dak li għamlet u li dan hu biss il-bidu. Intant il-Ministru tad-Difiża Iżraeljan ordna assedju sħiħ tal-Medda ta’ Gaża, u waqqaf il-provvista tal-ikel, il-fjuwil, l-elettriku u l-ilma.
F’diskors fuq it-televiżjoni, il-Prim Ministru Iżraeljan qabbel il-Hamas mal-grupp tal-Istat Iżlamiku, magħruf bħala l-ISIS.
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres qal li din l-aħbar tkiddu ħafna minħabba s-sitwazzjoni umanitarja mwiegħra li issa Gaza se ssib ruħha fiha.
Il-Ministru tas-Saħħa ta’ Gaza spjega li b’konsegwenza ta’ dawn l-attakki mietu aktar minn seba’ mija u ħamsin Palestinjan.
B’reazzjoni għal dan, il-fergħa armata tal-Hamas heddet li toqtol diversi ostaġġi kull darba li l-Iżrael iwettaq attakk mill-ajru mingħajr ma jwissi liċ-ċivili.
Għexieren ta’ nies ġew maħtufa mill-Hamas u l-familji tagħhom qed ifittxu informazzjoni b’mod iddisprat.
L-Iżrael qed tqis li hemm madwar 100 sa 150 persuna li qed jinżammu bħala ostaġġi.
Iżrael qal li rnexxielu jassigura l-fruntiera tiegħu ma’ Gaza.
Ġurnalist tal-BBC li qiegħed f’Gaza ddeskriva x-xeni li ra quddiem għajnejh bħala l-agħar li qatt ra f’dawn l-aħħar għoxrin sena.