Damien Neill se jispiċċa minn kowċ tat-team nazzjonali malti tar-Rugby Union. Kien Damien Neill stess li ħabbar dan f’messaġġ twil fil-paġna personali tiegħu fuq facebook.
Neill qal li l-aħħar logħbiet tiegħu mat-team nazzjonali tar-Rugby 15s se jkunu kontra Ċipru f’Malta fil-25 ta’ Marzu u kontra l-Iżrael barra minn xtutna ftit tal-ġimgħat wara.
Huwa se jkun qed itemm l-inkarigu tiegħu mal-Malta Rugby Football Union hekk kif jintemm il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Ġunju li ġej, meta se jkun qed imexxi lil Malta fir-Rugby 7s waqt dan il-logħob.
B’hekk Neill se jkun qed itemm 18-il sena fit-tmexxija tat-team nazzjonali malti tar-Rugby Union u li matulhom ra lil din il-logħba tikber u tissaħħaħ.
Fil-messaġġ tiegħu, Damien Neill irringrazzja lil dawk kollha li ħadem magħhom tul dawn it-18-il sena. Semma il-progress li għamel ir-Rugby f’Malta tul dawn is-snin. Team malti li irrenkja fost l-aqwa 19-ilpajjiż fl-Ewropa, u r-rebħ ta’ bosta logħbiet mir-Rugby Europe Conference kemm tar-Rugby 15s u anke Rugby 7s. Ra wkoll it-twaqqif tal-akkademja tar-Rugby li rawmet mijiet ta’ plejers żgħar.
Għalkemm ma semmiex x’se jagħmel fil-futur, jidher li Neill se jkun qed ikompli bil-karriera ta’ kowcing barra minn xtutna.