Fiż-żmien li ġej, se jitlesta l-proġett ta’ konservazzjoni marbut mal-pittura fuq il-ħitan li turi diversi ġrajjiet mill-Assedju l-Kbir tal-elf ħames mija ħamsa u sittin (1565) fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt.
Dan wara li l-Awtorità tal-Ippjanar tat donazzjoni addizzjonali ta’ sebgħin elf ewro (€70,000) għal dan il-proġett.
Il-pittura toffri rappreżentazzjoni unika – u storikament preċiża tal-Assedju, meta l-Maltin flimkien mal-Kavallieri ddefendew lill-Malta mill-Ottomani.
Din il-pittura saret fl-elf ħames mija u sebgħa u sebgħin (1577) mill-artist Matteo Perez d’Aleccio u ħoloq sekwenza narattiva tal-Assedju fuq sensiela ta’ tnax-il xena minn din il-ġrajja storika.
Lura fl-elfejn u għoxrin (2020), l-Awtorità kienet diġà ffinanzjat ħamsa u sebgħin elf ewro (€75,000) għal dan il-proġett.
Il-Professur JoAnn Cassar qalet li hi u t-tim tagħha ħadet din il-konservazzjoni bħala parti mill-missjoni tagħha biex jippreservaw il-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna.
“L-istudenti u anki t-tim professjonali li għandna magħna bħalissa jiġu mid-dinja kollha u qed jaħdmu fuq din il-pittura prestiġjuża tal-Assedju l-Kbir li hija ritratt tajjeb u preċiż ta li ġara fl-Assedju l-Kbir.”
Il-Ministru għall-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li tara proġett ta’ konservazzjoni jasal fi tmiemu waqt li fl-istess ħin iservi bħala pjattaforma għal proġetti futuri tal-istess livell.
“Huwa parti mill-kontribut ma’ kontributi oħrajn biex naraw li ġewwa din is-sala ewlenija fil-palazz ikun hemm ħarsien sħiħ tal-pitturi mill-isbaħ li hawn ġo din is-sala. Dan huwa mezz ieħor kif l-Awtorità tal-Ippjanar tkun qed tagħti ħarsien il-wirt storiku ta’ pajjiżna kif ukoll huwa mezz ta’ kif nikkontribwixxu għal dak li ħallew ta’ qabilna.”