Dalwaqt se tinfetaħ komunità oħra għal adoloxxenti u minorenni bi problemi tad-droga. Dan tħabbar ilbieraħ mid-Direttur tal-Caritas Leonid McKay waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni bit-tema ‘Nagħżel li nħobb, nagħżel li ngħix’ fejn fiha persuni li kienu qed isofru minn problemi ta’ użu u dipendenza tad-droga temmew b’suċċess il-programm tagħhom. Il-permess għal din ir-residenza diġa ħareġ u bħalissa qed issir l-evalwazzjoni ppresduta minn Imħallef emeritu.
Is-sur MacKay feraħ lil gradwati u rrikonnoxxa l-isforz, is-sagrifiċċji u l-kuraġġ li dawn kellhom biex iffitxu l-għajnuna. Huwa rringrazzja wkoll lil familjari u l-volontiera u l-benefatturi li kienu viċin tal-gradwati fil-mixja tagħhom. Huwa rringrazzja wkoll lil gvern li dejjem fehem l-bżonnijiet tal-Caritas.
Dan l-istess sentiment ġie espress mill-Arċisqof Charles Scicluna waqt li spjega wkoll li l-Caritas tgħallem lil dak li jiġi bżonn l-għajnuna jgħix mill-ġdid. B’mod partikolari, huwa wkoll irringrazzja lill-gvern tas-sostenn u l-investiment li jagħti lill-Caritas.
Fl-indirizz tagħha, l-President ta’ Malta filwaqt li rringrazzjat lil Caritas tax-xogħol impekkabbli li tagħmel talbet lis-soċjetà Maltija biex tħares lejn il-gradwati l-ġodda u tiftaħ qalbha beraħ hekk kif dawn imiddu l-ewwel passi tagħhom lura fis-soċjetà. Hija stqarriet ukoll il-bżonn li jiġu ndirizzati it-tikketti li jitwaħħlu fuq min ikollu xi problema ta’ abbuż ta’ droga hekk kif dawn iwasslu għal preġudiżżju li jagħmel ħafna ħsara.