Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li, fix-xhur li ġejjin, se tidħol fis-seħħ riforma fis-sistema fejn l-awtoritajiet jippriservaw l-evidenza b’mod aktar mgħaġġel meta jseħħ aċċident, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-wiesa’ fit-toroq.
Dan ħabbru waqt intervista li kellu mill-ġurnalist ta’ esperjenza Saviour Balzan waqt il-programm XTRA.
“Għeluq ta’ nofs din is-sena rridu nkunu implimentajna sistema fejn partikolarment meta jkollok aċċidenti, li mhumiex maġġuri, fejn m’għandekx korrimenti li huma maġġuri u gravi, hemmhekk irid ikollna sistema fis-seħħ fejn l-awtoritajiet tagħna marru mal-ewwel fuq is-sit, ippriservaw l-evidenza b’mod mgħaġġel u mexxew.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru tenna li bħalissa qed ikun hemm aktar uffiċjali ta’ Transport Malta fit-toroq, li wkoll qed jagħmlu differenza.
Fuq dan is-suġġett tal-immaniġġjar tat-traffiku, Dr Abela semma l-miżura l-ġdida tal-ferry bla ħlas fil-Port il-Kbir u Marsamxett, meta wieħed juża t-Tallinja Card.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar prinċipju ewlieni tal-kontroll f’idejn l-awtoritajiet flimkien ma’ bidliet important li seħħew u qed jiġu implimentati biex f’pajjiżna jiġu ħaddiema minn barra fejn jeħtieġ biss.
“Għaliex filli kellek sitwazzjoni fejn kienu qed jiġu pproċessati u approvati tant applikazzjonijiet, f’daqqa waħda, il-vit ingħalaq, dik hi r-realtà u baqa’ biss miftuħ il-vit ta’ dawk li huma leġittimi. Hekk sewwa, hekk xieraq u hekk se jibqa’ jsir.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan intqal quddiem ir-riformi tal-Y Plates, is-Skill Cards, ir-regolar tat-temping agencies u l-inforzar dwar in-numru stabbilit kemm permess jgħixu persuni f’residenzi.
Dwar l-għażla tal-President il-ġdid, Dr Abela sostna li jrid ikun persuna progressiva u li kapaċi tgħaqqad lill-poplu.
“Nittama wkoll li l-Oppożizzjoni tagħmel proposti li huma sensibbli, ma tagħmilx proposti kif il-Kap tal-Oppożizzjoni mar bihom quddiem il-Grupp Parlamentari tiegħu stess u, minn dak li jien informat, ħasadhom bl-ismijiet li ressaq huwa stess, u qalulu ħu paċenzja ieqaf hawnhekk. Dak mhuwiex l-ispirtu li trid tmexxi ’l quddiem ħatra bħal din.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela qal dan quddiem ir-riforma Kostituzzjonali li daħħal Gvern immexxi minnu biex l-għażla tal-President issir permezz ta’ żewġ terzi mill-Parlament, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u dan mingħajr anti-deadlock mechanism.