Fil-ġimgħat li ġejjin, l-uffiċjali tal-Aġenzija għall-Infurzar Lokali, il-LESA, se jibdew ikunu fit-toroq bl-ispeed guns, bil-għan li jkomplu jonqsu l-inċidenti fit-toroq f’ċerti żoni sinonimi ma’ każijiet li fihom iweġġgħu sewwieqa u anki nies li jkunu għaddejjin fit-toroq.
F’intervista ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores, spjega li l-ispeed guns jaħdmu bl-istess sistema tal-ispeed cameras, li għandhom radar li jagħraf il-veloċità ta’ vettura li tkun għaddejja f’ħin partikolari.
Id-differenza ewlenija hija li l-kameras huma fissi filwaqt li l-ispeed guns joffru mobilità minn post għall-ieħor.
Flores stqarr, “Id-differenza li qed naraw aħna fl-oġġett il-mobbli hija li bih għandek iktar flessibilità, li ma niffukawx fuq triq partikolari fejn aħna nafu li fil-passat, li dawn kollha ġew implimentati f’żoni li jkunu suġġetti għal numru ta’ inċidenti, però din id-darba qed inħarsu wkoll lejn l-użu tal-ispeed guns f’żoni li huma iktar antipatki, fejn ikun hemm iktar abbuż u sewqan perikoluż, bħaż-żoni residenzjali.”
Flores spjega li l-veloċità li suppost tkun għaddejja biha karozza hija determinata f’kull triq u m’hemm xejn bil-liġi li jgħid li sewwieq ikun mgħarraf jekk ikun qed jintuża speed gun f’xi triq partikolari.
Huwa qal, “Il-fatt li jkun hemm it-tabelli, jgħinu lis-sewwieqa biex jagħrfu li qed isir moniteraġġ iktar min-normal f’din iż-żona, però ma jfissirx li wieħed irid jimplimenta numru ta’ tabelli b’mod obbligatorju. Aħna naraw li mhux għax għandek kamera, issuq b’veloċità tajba, imma għax tissalvagwardja lilek u persuni oħra.”
Dawn l-ispeed guns diġà bdew jintużaw mill-Pulizija fl-aħħar jiem u nħass il-bżonn li jiżdiedu anki bis-sehem tal-LESA biex jiġi evitat sewqan eċċessiv f’żoni partikolari.
Il-Kap Eżekuttiv qal , “Inħass il-bżonn minħabba s-sewqan eċċessiv li ninnutaw f’ċerti żoni, partikolarment f’żoni residenzjali li jkunu qed joħolqu periklu, kemm għax-xufier u għall-persuni li jkunu qed jużaw it-triq, per eżempju viċin l-iskejjel jew f’żoni fejn għandek crossroads, fejn wieħed hemm bżonn ipoġġi iktar attenzjoni.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-LESA kompla jispjega li ċ-ċitazzjoni tingħata bħal kull kontravenzjoni oħra; li tista’ tintbagħat bil-posta jew jitwaqqaf ix-xufier fuq il-post u jiġi avżat dak il-ħin.
Huwa temm jgħid, “Effettivament, taħdem l-istess bħal kull kontravenzjoni normali, jiġifieri min ikun irreġistrat fuq is-sitema online jirċievi l-email u SMS, u jekk le, jirċievi l-kontravenzjoni bil-posta. Minn hemmhekk, nilqgħu l-proċess relevanti li jsegwi wara kull kontravenzjoni, jiġifieri jekk bniedem iħoss li dik il-kontravenzjoni ma ħarġitx b’mod korrett, ikollu ċans li jappellaha bħal kull ċitazzjoni oħra, permezz ta’ petizzjoni li titla’ tribunal jew petizzjoni wara u anki fil-Qrati ta’ Malta.”