L-implimentazzjoni tal-‘gynae-oncology brachytherapy’ se tibda ssir f’Malta dalwaqt, hekk kif illum ingħataw fondi sabiex tinġieb din it-terapija hawn Malta. Dan ifisser li pazjenti tal-kanċer ċervikali ma jkollhomx bżonn jivvjaġġaw lejn Londra biex jieħdu l-kura meħtieġa.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold u l-Kap tal-kampanja Michelle Muscat ħabbret dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha parti mill-fondi miġbura ingħataw illum lill-Organizzazzjonijiet mhux governattivi tal-Kanċer u l-bqija se jintużaw biex tingieb f’Malta din is-sistema dijanjostika mill-aktar avvanzata ta’ ultrasound Canon Aplio.
Bħal kull sena, lejlet il-Jum Dinji tal-Kanċer, il-Fondazzjoni Marigold ippreżentat l-fondi miġbura, li din is-sena laħqu €75k.
Fil-konferenza stampa tkellmet ukoll il-ġinekologika Dr. Kristelle Von Brockdorff mill-Isptar ta’l-Onkogija Sir Anthony Mamo li spjegat li bħalissa il-brakiterapija ma ssirx f’Malta. It-tim fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo bħalissa qed jaħdem mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika biex fix-xhur li ġejjin il-brakiterapija tinġieb pajjiżna.
Dr. Danika Marmara, Direttur tad-Direttorat tal-Cancer Care Pathways saħqet fuq l-importanza li kampanji edukattivi jagħmlu lill-pubbliku aktar konxju u ghandhom jkunu appoġġati aħjar u ħeġġet it-tkomplija ta’ dawn il-kampanji fuq livell nazzjonali li qed jedukaw lill-pubbliku.