Illum jingħata bidu għal logħob mill-gruppi tal-UEFA Europa League, kompetizzjoni li f’dawn l-aħħar snin kompliet iżżid is-segwaċi tagħha meta tqis li din is-sen se jkunu qed jieħdu sehem timijiet popolari mal-Maltin bħal Manchester United u t-tim taljan ta’ Inter.
Fil-fatt, għal ħabta tas-seba’ ta’ filgħaxija tibda l-avventura tar-Red Devils f’partita xejn faċli kontra l-Olandiżi tal-Feyenoord. Għall-kowċ Jose Mourinho din se tkun l-ewwel partita tiegħu mal-United f’kompetizzjoni Ewropea. Mal-midja internazzjonali, Mourinho stqarr li avolja jippreferi jara lit-tim tiegħu fiċ-Champions League, xorta ma jnaqqasx mill-movitazzjoni biex tintrebaħ din it-tazza.
Intant, fi disa’ ta’ filgħaxija, Inter jilgħabu kontra tim mill-Israel, Hapoel Be’er Sheva. Ġimgħa kalċistika tant importanti għall-kowċ Frank De Boer li mal-midja taljana enfasiżża l-importanza li l-tim tiegħu joħroġ bi tliet punti minn San Siro, qabel ma nhar il-Ħadd jiltaqgħu ma’ Juventus fi Derby D’Italia. Illejla jilgħabu wkoll it-timijiet ta’ Fiorentina u Roma kontra Viktoria Plazen u PAOK rispettivament.