Il-Karnival din is-sena se jsir bejn l-24 u t-28 ta’ Frar, u mistenni jkun iċċelebrat f’diversi bliet u rħula madwar Malta u Għawdex.
Id-direttur tal-Karnival Jason Busuttil qal li l-livell se jkun superjuri din is-sena. Mhux se jipparteċipaw biss l-artisti tal-Karnival iżda se jkunu nvoluti wkoll atturi rinomati. Mhux se jkun biss karnival tradizzjonali, imma s-satira se tkun b’saħħitha. Se jkun hemm wirjiet teatrali tat-triq, bħall-famuża qarċilla, u baned tradizzjonali.
It-tfal se jkollhom l-opportunità jaraw kif jinħadem karru tal-Karnival u se jkun hemm attivtajiet f’Esplora qabel il-Karnival innifsu. Jason Micallef, chairman ta’ Valletta2018, qal li l-Karnival huwa l-ikbar festival tan-nies u li l-mod kif qed jinfirex huwa tajjeb. Issa, però, jeħtieġ li jkun hemm attenzjoni lejn il-kwalità. Irid ikun karnival interattiv, speċjalment issa li fadal ftit għal Valletta 2018.
Elton Micallef minn Esplora qal li x-xjenzż u l-arti jmorru id f’id u l-Karnival huwa eżemġju tajjeb. L-inġinerija tal karrijiet u l-makkinarju se jkunu diskussi mat-tfal.
Il-Ministru responsabbli mill-kultura Owen Bonnici qal li Malta hija waħda mill ftit pajjiżi fl-Ewropa li tiċċelebra l-karnival. Għalhekk il-Maltin għandhom obbligu jarawh ikun suċċess u l-artisti għandhom sfida quddiemhom. Qal li sa nofs dis sena se jibda x-xogħol fiżiku fuq il-villaġġ tal-karnival. Fakkar li fl-2018 Malta se jkollha titlu importanti għaliex se tkun iddedikata lill-patrimonju kulturali, kif deċiż fil-Presidenza Maltija.
Sar appell biex min jattendi attivitajiet marbuta mal-karnival jagħmel użu mis-servizz ta’ Park and Ride.