Jinsabu fl-aqwa tagħhom ix-xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru fuq il-faċċata tal-Oratorju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Mosta, mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr.
Ix-xogħol, li beda f’Awwissu li għadda, huwa ppjanat li jitlesta sal-aħħar ta’ Mejju li ġej.
Ir-restawr fuq il-faċċata tal-Oratorju iuwa wieħed minn katina ta’ proġetti li qed isiru diversi xogħlijiet fuqhom sabiex jitkompla l-ħarsien tal-wirt storiku fl-irħula u l-ibliet madwarna f’pajjiżna.
Il-Perit responsabbli minn dan ir-restawr, Audrey Ann Bonnici, spjegat lil ONE News, aktar dwar ix-xogħol li sar.
“Għalkemm hawnhekk bħala xogħol bdejna f’Awwissu li għadda, il-preparazzjonijiet, anki biex inġibu d-dokumenti neċessarji, ilu ħafna li beda. Ix-xogħol se jsir kollu kemm hu mill-ħaddiema tar-restawr. Fil-gwerra kienet waqgħet bomba fil-pjazza ta’ quddiem l-Oratorju u l-faċċata kienu sarulha xi ħsarat. Fil-fatt, għadhom jidhru sal-ġurnata tal-lum anki l-marki tal-ixrapnel. Bħala restawr, imbagħad, qed isir xogħol solitu bażiku, bħat-tneħħija ta’ żebgħa u anke tikħil tal-fili u anki affarijiet li jkunu ntilfu.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, saħaq li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jwettaq bosta inizjattivi li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr, u r-riabilitazzjoni ta’ diversi postijiet storiċi fl-irħula u l-ibliet tagħna fuq bażi regolari.
Il-Ministru Bonnici tkellem magħna dwar il-viżjoni tal-Gvern, b’mod ħolistiku fuq il-patrimonju Malti.
“Fil-fehma tiegħi, il-patrimonju Malti jiddenifixxina bħala ġens. Mhux il-passaport jagħmlek Malti, mhux l-identity card, imma dan il-wirt spettakolari li għandna f’diversi toroq u rħula, li għandna obbligu li nieħdu ħsiebu u nippriservawh, u għalhekk qegħdin naħdmu mal-kunsilli lokali tagħna li nirringrazzjahom minn qalbi, għax jekk hemm stakeholder attiv huma l-kunsilli lokali illi, flimkien, qed nagħmlu dan ir-restawr tant sabiħ. ”
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll l-Arċipriet tal-Mosta, Dun Bastjan Caruana, is-Sindku, il-Perit Chris Grech, u kunsilliera, fost oħrajn.