Minn hawn u ftit tal-ħin ieħor, għajnejn eluf ta’ nies minn madwar id-dinja, partikolarment dawk li jsegwu l-isport Ewropew, se jkunu fuq pajjiżna.
Malta qed terġa’ tikteb l-istorja, meta għat-tielet darba se tospita l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn elf atleta minn disa’ pajjiżi.
Il-ftuħ ta’ dan l-avveniment sportiv prestiġġjuż, li jiġi organizzat kull sentejn, se jsir illejla, b’ċerimonja mill-isbaħ fuq il-Fosos tal-Furjana. Iċ-ċentru se jkun palk uniku li hu magħmul mit-tmien ponot tas-Salib ta’ Malta u ġo fih wieħed isib il-forma tal-George Cross.
Għaċ-ċerimonja tal-ftuħ se jkun hemm preżenti, fost l-oħrajn, il-Prim Ministru Robert Abela, li se jagħmel ukoll diskors qasir. Se jkun hemm ukoll il-President tal-Kumitat Olimpiku Ewropew, Spyros Capralos.