Hekk kif baqa’ ftit aktar minn xahar biex pajjiżna tassumi l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Prim Ministru Joseph Muscat beda vjaġġ marbut mat-tħejjijiet tal-Presidenza t-Tnejn, bil-laqgħat jintemmu llum mal-President Viktor Orbán fl-Ungerija.
Dwar dawn il-laqgħat id-deputat Prim Ministru Louis Grech spjega li l-għan ewlieni wara dawn il-laqgħat kien li tisma’ l-opinjonijiet ta’ pajjiżi differenti dwar kwistjonijiet differenti li se tkun qed tiddiskuti l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f’pajjiżna.
Huwa stqarr li dan iż-żmien huwa wieħed delikat għall-Unjoni Ewropea u għalhekk jeħtieġ li l-Presidenza tassigura Unjoni Ewropea sostenibbli. Fi kliemu fisser kif minn dawn il-laqgħat kompla jikkonferma li l-imigrazzjoni se tkun ‘il fuq fl-aġenda Ewropea.
Dawn mhux se jkunu l-unika laqgħat li se jsiru barra minn xtutna, qal id-Deputat Prim Ministru, għaliex jeħtieġ li permezz tad-djalogu tinstab pożizzjoni ta’ konverġenza fuq numru ta’ setturi.