Forsi ftit li xejn qed nagħtu każ, imma fiż-żmien li ġej l-Ewropa tista’ tbiddel id-direzzjoni tagħha. L-għajnejn huma fuq l-Olanda, l-Ġermanja u Franza, tliet pajjiżi li se jkollhom elezzjoni ġenerali b’dik tal-Olanda l-aktar li qed tqajjem interess minħabba l-effett ‘Wilders”.
Wilders, jew aħjar Geerts Wilders huwa l-mexxej tal-partit tal-Ħelsien li qed imexxi ‘l quddiem l-ħsieb populist. Il-Partit twaqqaf f’mument opportun fiż-żmien meta fix-xenarju politiku tal-Olanda kien hemm vakuum. Anke jekk irnexxielu jmur tajjeb fl-istħarriġ li sar, qed jingħad li se jattira għoxrin fil-mija biss tal-voti.
Madanakollu, l-argumenti populista fl-Olanda għandhom jitwarrbu? Kollox jiddependi mil-elettorat Olandiż se jivvota fil-ħmistax ta’ Marzu. Interessanti l-fatt li din l-elezzjoni ġenerali hi meqjusa bħala waħda li ħadd ma jaf fejn se tmur hekk kif għal bosta snin l-Olandiżi ivvutaw għall-istess partit. Issa li donnu l-aġenda kibret xi ftit, mill-kwistjoni tal-immigrazzjoni u l-Iżlam, l-istorja nbidlet. Hija elezzjoni li r-riżultat tagħha jista’ jirrifletti ‘trend’ ġdida fl-Ewropa għalkemm ħafna qed iħarsu iżjed mill-qrib lejn dak li se jiġri fi Franza u l-Ġermanja.
Fil-Ġermanja, l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel se jirnexxiela tiggarantixxi terminu ġdid għaliha u għall-partit li tmexxi? Se jirnexxielha tegħleb lil Martin Schultz, mill-partit soċjp-demokratiku Ġermaniż li qed iwiegħed miżuri soċjali? Skont l-istħarriġ li qed isiru jidher li ż-żewġ partiti jinsabu ras imb’ras. Minn jaf, forsi minn ‘Mutter’ ; omm bil-Ġermaniż li ħafna jużaw biex jirreferu għal Angela Merkel, ngħaddu għal Vater , missier bil-Ġermaniż. U mill-Ġermanja hemm l-elezzjoni Franċiża.
Bil-kandidat f’isem il-Partit Konservattiv Francois Fillon qed ikun investigat fuq każ ta’ frodi u l-kandidat Benoit Hamon għas-Soċjalisti li diġà qed jaffaċċja diżapprovazzjoni mill-grupp soċjalista tant li dak li kien meqjus bħala l-aktar sindku maħbub ta’ Pariġi issa ingħaqad mal-partit ta’ Macron. Fi Franza l-attenzjoni hi fuq il-partit bi ħsieb populist mmexxi minn Marine le Pen u Emmanuel Macron li serva fil-Kabinett ta’ Hollande sakemm irriżenja biex waqqaf il-partit En Marche! partit soċjo liberali.
Qed jingħad li fl-ewwel ”round” għall-elezzjoni presidenzjali Le Pen u Macron se jeliminaw lir-Republikani u lis-Soċjalisti, xi ħaġa li qatt ma seħħet fl-istorja politika franċiża. Iż-żewġ partiti huma riżultat tal-falliment fl-implimentazzjoni ta’ riformi meħtieġa fi Franza u huma meqjusa bħala dawk li qed jisfidaw l-istatus quo. L-istorja uriet li dak li jiġri fi Franza jaffettwa l-kumplament tad-dinja. Lura għas-seklu dsatax, ministru għall-Affarijiet Barranin Awstrijak Metternich jingħad li kien qal li ‘meta Franza tagħtas, il-kumplament tal-ewropa jaqbadha riħ’ , nistennew u naraw x’tip ta’ riħ se jkun.