Bħala parti mir-riforma fid-Direttorat tal-Artijiet mwiegħda iżjed kmieni din is-sena mill-Gvern, fil-jiem li ġejjin se jitressaq abbozz ta’ liġi fil-Parlament biex id-Dipartiment tal-Artijiet isir Awtorità.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Ipjannar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva Deborah Schembri waqt sessjoni ta’ Gvern li Jisma’. Hija qalet li l-Gvern qed jaħdem biex jindirizza l-problemi li tħalla bihom id-Dipartiment tal-Artijiet.
Schembri tkellmet dwar il-qasma fil-MEPA li issa ġiet maqsuma f’Awtorità tal-Ippjannar u l-Awtorità tal-Ambjent. Hija qalet li b’din il-qasma, permess għall-iżvilupp se jinħareġ iktar malajr.
Hija qalet li se tingħata opportunità biex kull mingħandu illegalità fil-binja tiegħu jersaq quddiem l-Awtorità u jirregolariza billi jħallas. Dan jista’ ladarba l-illegalità ma tkunx fuq ’il barra miż-żona tal-iżvilupp. Jekk fi żmien sentejn ma jersqux quddiem l-Awtorità, jittieħdu passi ta’ infurzar.
Fakkret kif għall-ewwel darba f’disa’ snin, bil-miżuri li ttieħdu, l-Awtorità għall-Ippjanar se tagħmel l-qligħ. “Il-Gvern kien ikollu jagħti mal-€3 miljuni fis-sena f’għajnuna,” qalet Schembri.