Illum fil-Qorti kien hemm l-eks Ministru Nazzjonalista u l-eks Kummissarju Ewropew, John Dalli.
Hu kien mistenni jaffaċċja akkużi b’rabta ma’ każ li kien wassal għar-riżenja tiegħu minn Kummissarju Ewropew responsabbli mis-settur tas-saħħa.
Il-Qorti dalgħodu ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, l-Avukat Antoine Agius Bonnici, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li għad ma hemmx ċertezza jekk Dalli jistax ikun mixli.
Hawnhekk issemma trattat tal-Unjoni Ewropea li jingħad li ċertu uffiċjali, fosthom Kummissarji Ewropej, jistgħu jkollhom l-immunità fuq prosekuzzjoni.
L-akkużi ta’ Dalli huma marbuta ma’ allegata talba minn eks kollaboratur tiegħu biex tinbidel liġi Ewropea dwar l-isnus, forma ta’ tabakk li ma jitpejjipx.
Rapporti jsemmu l-attentat ta’ tixħim ta’ sittin miljun ewro.
John Dalli, li kien innominat għall-Kummissarju Ewropew minn Lawrence Gonzi, kien irriżenja f’Ottubru tal-2012 proprju minħabba l-każ li qam b’rabta ma’ direttiva li tirregola l-isnus.
L-ewwel investigazzjonijiet saru mill-Uffiċċju ta’ Kontra l-Frodi tal-Unjoni Ewropea, l-OLAF, li kien l-ewwel li investiga l-allegat każ ta’ korruzzjoni.
B’rabta mal-istess każ diġà hemm il-Qorti Silvio Zammit, li kien Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista f’Tas-Sliema.
Dalli dejjem ċaħad l-akkużi u sostna li qatt m’għaddew flus għandu ġejjin minn tixħim.
Huwa diġà kellu jitressaq il-Qorti f’Settembru iżda wieħed mill-uffiċjali tal-Prosekuzzjoni kien ma jiflaħx.
Issa d-Difiża ta’ John Dalli akkużat lill-Prosekuzzjoni li qed iġebbed l-affarijiet għaliex m’għandiex każ b’saħħtu kontra l-klijent tagħha.
John Dalli kien politiku ta’ esperjenza kbira fi Gvernijiet Nazzjonalisti ta’ Eddie Fenech Adami u kien maħtur bħala Kummissarju Ewropew fl-2009.
Dan wara li kien ikkontesta għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista ftit tas-snin qabel.