It-Tnejn filgħodu bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Kevin Micallef ta’ 42 sena li jinsab mixli bil-qtil ta’ ommu Antonia u ta’ zitu Maria. Huwa nqatlu b’diversi daqqiet ta’ sikkina fid-dar tagħhom fir-raħal fil-Għargħur.
Fis-seduta ta’ dalgħodu, ngħad li l-aħħar kelma li lissnet omm l-akkużat kienet isem binha Kevin waqt li kienet fl-ambulanza fi triqitha għall-Isptar Mater Dei. Fil-Qorti ngħad ukoll li l-akkużat stqarr li xtaq lid-daqqiet ta’ sikkina tahom lilu nnifsu u mhux lil ommu.
‘Kevin’ – din kienet l-unika kelma li lissnet Antonia Micallef ta’ 74 sena li soffriet ġrieħi gravi wara li binha, Kevin Micallef ta’ 42 sena feriha b’sikkina fid-dar tagħhom fil-Għargħur. Dan wara li l-akkużat issuspetta li ommu u zitu xeħtulu xi ħaġa fil-kafé.
Dan ħareġ waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Micallef li jinsab mixli bi qtil doppju ta’ ommu u zitu b’diversi daqqiet ta’ sikikina.
Dr Jonathan Josylyn, Konsulent fid-Dipartiment tal-Emerġenza, spjega kif fil-jum tal-qtil, daħal fid-dar tal-vittma u ra ż-żewġ nisa mixħuta fl-art f’għadira demm b’feriti ta’ sikkina f’għonqhom.
Maria Carmela Fenech ta’ 74 sena li tiġi z-zija tal-aggressur instabet mitlufa minn sensiha, waqt li parti mill-ġisem ta’ Antonia nstab fuq oħta. It-tabib xehed li dak il-ħin Antonia kellha qatgħa kbira fuqha għax bdiet titlef ħafna demm.
Xehdu wkoll għadd ta’ pulizija li waslu fuq ix-xena tad-delitt li spjegaw kif l-akkużat deher kalm u kkopera mal-Pulizija u kien hu li ċempel biex jirrapporta. Il-Pulizija xehdu wkoll li wara li ġie arrestat, elevaw bosta oġġetti foshom il-mobile u l-kartiera tal-akkużat.
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Kurt Zahra spjega kif fuq mejda bajda tal-plastik kien hemm sikkina mċappsa bid-demm. L-aggressur ittieħed l-għassa tan-Naxxar biex ikunu ppreservati l-provi qabel ma ttieħed l-Isptar Monte Karmeli fejn fuq parir tat-tabib, inżamm l-isptar mgħasses minn uffiċjal tal-Pulizija.
Mistoqsi waqt l-interrogazzjoni x’wasslu biex jattakka lil zitu u mhux lil ommu meta skontu kienet hi li tindaħallu f’ħajtu fosthom dwar in-nisa, l-akkużat qal li kienet zitu li kienet titfagħlu l-kalmanti fil-kafé. Sadanittant, il-Pulizija għad trid tistabbilixxi jekk il-kafé li nstab fid-dar dakinhar tal-omiċidju kellux traċċi tal-kalmanti.
Dakinhar tal-qtil Micallef saħaq li beda jara d-dlam wara li allegatament semagħhom jgħidu ‘tgħid induna?’ Qal ukoll li kien ikun aħjar kieku dawwar is-sikkina lejh flok lejn ommu.
L-avukat difensur Dr Francois Dalli, staqsa jekk fid-dar instabux kalmanti bl-Ispettur Zahra jikkonferma li nstabu xi kaxxi ta’ mediċina għax Antonia kellha preskrizzjoni tal-kalmanti.
Il-kawża ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella ġiet differita għat-13 ta’ Awwissu li ġej.