Dalgħodu ħafna Maltin sebħu b’kitbiet fuq facebook bil-mistoqsija ‘Int Ħassejtu?’ dan hekk kif fit-3:26 ta’ dalgħodu inħasset theżżiża minn diversi postijiet f’Malta.
Dan kien dovut għal terremot imkejjel b’qawwa 4.7 li seħħ 40 kilometru ’l bogħod minn Brancaleone belt metropolitana ta’ Reggio Calabria.

Ħafna persuni qalu li konsegwenza tat-theżżiża qamu mill-irqad u rrappurtaw ċekċik u tisbit ta’ aperturi filwaqt li oħrajn qalu li bdiet titriegħed l-għamara.
Il-kamra tal-aħbarijiet ta’ One tinsab infurmata li l-lokazzjoni fejn seħħ it-terremot hija waħda sismoloġikament attiva u spiss iseħħu theżżiżiet u għalhekk mhu xejn allarmanti però din it-theżżiża partikolari, minkejja d-distanza minn pajjiżna u l-fatt li kienet b’qawwa moderata ta’ ftit anqas minn 5, kienet irrekordjata mill-istazzjonijiet kollha sitwati f’Malta u għalhekk għad irid isir rapport dwar dan.
Ta’ min ifakkar li s-sena l-oħra, propju fil-Ġimgħa l-Kbira fit-8:10 ta’ filgħodu kien inħass terremot li kien tkejjel b’qawwa ta’ 6.9 u li kien segwit minn ieħor żewġ minuti wara. Dakinhar it-terremot kien seħħ fin-Nofsinhar tal-Greċja.