Fuq il-pedana tax-xhieda jmiss li jixhed il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.
Huwa spjega lill-bord il-proċess ta’ kif jitfassal il-Baġit ta’ kull sena anke fid-dawl tat-talbiet minn kull Ministeru tal-Gvern. Spjega li dan huwa proċess li jibda minn Ġunju biex il-Gvern ikun jista’ jara kif se tagħlaq is-sena iżda wkoll biex issir analiżi tal-business plans li daħlu minn kull Ministeru. Dan saħansitra jsir qabel Ġunju biex tiġi indikata talba rikurrenti u kapitali ta’ xi jkun hemm bżonn.
Min hemm issir analiżi mill-Ministeru għall-Finanzi anke sabiex isiru l-previżjonijiet għas-snin li ġejjin. Sostna li t-talbiet ikunu ferm aktar mill-budget attwali tal-Gvern, għalhekk jiġu stabbiliti l-prijoritajiet anke skont dak li jingħad fil-Kabinett. Wara li jsir dan kollu wara l-perjodu ta’ Santa Marija, jsiru d-diskussjonijiet mal-Ministeri biex jiġu kkomunikati l-finanzi assenjati.
Mistoqsi x’jingħata prijoritá jekk hux ir-rikorrent jew il-kapital mill-Ministeru tal-Finanzi, Caruana spjega li kull talba u l-metodu wara jridu jiġu analizzati skont ix-xogħol li jrid isir.
Dr McKeon staqsa lill-Ministru Caruana jekk l-Awtoritajiet imsemmija taħt il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar qattx talbu għal finanzjament favur it-tisħiħ ta’ ingaġġ ta’ nies li jagħmlu spezzjonijiet u jinfurzaw siti tal-kostruzzjoni. Mingħajr ma speċifika s-sena, il-Ministru Caruana spjega li fil-każ tal-BCA kien hemm żieda fil-baġit allokat lilhom minħabba ż-żieda fix-xogħol. Dan anke fil-każ tal-OHSA madankollu din iż-żieda ma kinitx tal-istess daqs, daqs dik li ngħata lill-BCA. Sostna wkoll li l-Awtoritá tal-Ippjanar hija awto-suffiċjenti.
Filwaqt li ġie mitlub li jippreżenta dokumentazzjoni u ċifri b’rabta ma’ allokazzjoni ta’ baġit relatati mal-ingaġġ ta’ persuni fl-awtoritajiet imsemmija, ix-xhieda tal-Ministru Caruana ntemmet hawn.
Iċ-chairman tal-Bord aġġorna għas-sbatax u t-tmintax ta’ Awwissu fid-9am, li se jiffukaw fuq l-aspett ta’ saħħa u sigurtá.
AĠĠORNAMENT BIX-XHIEDA TAL-MINISTRU STEFAN ZRINZO AZZOPARDI
Imiss issa li jixhed il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Qabel bdiet ix-xhieda tal-Ministru Zrinzo Azzopardi, l-Avukat tal-familja Bonnici, ippreżentat lista ta’ entitajiet pubbliċi u rappreżentanti tagħhom li għandhom dokumenti rilevanti għal dan il-bord u din l-inkjesta.
Intant, il-Ministru Zrinzo Azzopardi ħa l-ġurament u mal-ewwel sostna li ilu Ministru mit-30 ta’ Marzu tal-2022. Huwa ta rendikont ukoll tal-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, fosthom l-Awtoritá tal-Ippjanar u l-Awtoritá għall-Bini u l-Kostruzzjoni (il-BCA) u l-OHSA.
Dwar finanzjament lill-awtoritajiet, il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li kull sena ssir stima lill-Ministeru tal-Finanzi. Spjega li hemm parametri kostanzi għal dawn il-fondi fosthom il-pagi tal-impjegati. Mistoqsi wkoll dwar il-Bord tal-OHSA, Zrinzo wieġeb li sa fejn jidhirlu hu dan ma nbidilx kemm ilu Ministru u l-istess jista’ jingħad għaċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv.
Zrinzo Azzopardi rrimarka wkoll li malli sar Ministru mal-ewwel ittieħdet stock take tas-sitwazzjoni rigward inċidenti fuq il-post tax-xogħol biex mal-ewwel tibda ħidma favur numru ta’ inizjattivi intiżi biex dawn ir-realtajiet jitnaqqsu. Mistoqsi dwar in-numru ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, il-Ministru Zrinzo Azzopardi sostna li l-aħħar 20 sena fis-settur tal-kostruzzjoni provdew opportunità għal aktar tisħiħ fis-settur, lil hinn minn statistiċi dwar inċidenti. Dan hekk kif kull inċident fuq sit ta’ kostruzzjoni huwa inċident mhux mixtieq.
Il-bord permezz taċ-Chairman staqsa wkoll dwar il-funzjonijiet tal-BCA. Sostna li l-impjegati f’din l-Awtoritá mistenni jkompli jiżdied fis-snin li ġejjin hekk kif din l-Awtoritá twaqqfet fl-2021.
AĠĠORNAMENT BIX-XHIEDA TA’ ISABELLE BONNICI
L-Ombudsman u l-eks Imħallef Joseph Zammit McKeon beda l-inkjesta amministrattiva billi qara l-parametri tat-termini ta’ referenza u mal-ewwel fuq il-pedana tax-xhieda sejjaħ lil omm il-vittma Jean Paul Sofia.
Qabel bdiet tixhed omm il-vittma, l-inkjesta ġiet interrogata minn ċertu Publius Said li talab biex jixhed u anke jingħata r-rapport li sar mill-Pulizija.
Dr McKeon talab sabiex is-Sur Said jingħata email sabiex skont il-proċedura jitlob li jixhed f’din l-inkjesta, madankollu esiġa l-importanza tal-ordni tul il-proċeduri.
Intant, Isabelle Bonniċi ħadet il-ġurament sabiex tibda tixhed u stqarret li hija eċitata.
Fix-xhieda tagħha bdiet billi stqarret li t-3 ta’ Diċembru hija ġurnata li qalbitilha ħajjitha ta’ taħt fuq.
Stqarret li dakinhar tal-inċident, Jean Paul laħaq telaq għax-xogħol qabet qamet u spjegat ukoll li xogħol it-tifel ma’ kienx fil-kostruzzjoni iżda fl-airconditions, iżda dakinhar wassal xi għodda fuq il-post.
Spjegat ukoll li persuna qallha li t-tifel tagħha dakinhar tal-inċident ittieħed l-isptar, madankollu malli waslet l-isptar it-tifel ma’ kienx hemm. Għalhekk reġgħet marret fuq il-post tal-inċident fejn stqarret li Jean Paul għadu taħt il-ġebel u biex jibqgħu jfittxuh.
Bonnici spjegat ukoll li sakemm kienet qed tistenna kienet tistaqsi jekk qatt xi ħadd ittellax ħaj minn inċident bħal dan madankollu l-ħaddiema fuq il-post kienu jgħidula “Int issa naraw ejja, għamel kuraġġ.”
F’diskors ippreparat u miktub minn qabel, Bonnici spjegat l-importanza ta’ din l-inkjesta biex jiġi stabbilit x’seta’ sar aħjar fosthom kemm kien preparat għal każijiet bħal dawn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Dr McKeon staqsa jekk il-membri l-oħra fuq il-bord u l-partijiet kollha kkonċernati, għandhomx mistoqsijiet għas-Sinjura Bonnici. Hekk kif ħadd ma kellu mistoqsijiet, ix-xhieda tas-Sinjura Bonnici ntemmet hawn.
QABEL
Dalgħodu għall-ħabta tad-disgħa, f’awla numru 22 tal-Qorti se tibda l-inkjesta amminstrattiva skont l-Att tal-Inkjesti.
Din l-inkjesta kienet tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela u se tkun immexxija mill-Ombudsman, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, flimkien mal-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, u l-Perit Mario Cassar.
Il-ġimgħa l-oħra, il-Gvern ħabbar it-Termini ta’ Referenza ta’ din l-inkjesta, fejn fosthom se tkun mistħarrġa jekk l-allokazzjoni tal-art minn entitajiet tal-Gvern saritx skont il-liġi u ssemma wkoll li għandu jkun investigat jekk hemmx rabta bejn l-allokazzjoni tal-art, it-tiġrif tal-binja u l-konsegwenzi tagħha.
Jean Paul Sofia miet fit-3 ta’ Diċembru li għadda meta ġġarrfet binja fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin.
Riċentament tlestiet ukoll l-inkjesta Maġisterjali li saret mill-Maġistrat Marseanne Farrugia u ġew imressqa ħames persuni l-Qorti dwar dan il-każ.