Il-Ħadd filgħodu eluf ta’ persuni attendew bi ħġarhom għall-pellegrinaġġ tal-muturi u r-roti tant mistenni f’Ħaż-Żabbar.
Pellegrinaġġ li jokkupa appuntament anwali mal-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar u li kien hawn stennija qawwija għalih hekk kif ma setax jittella’ għal sentejn sħaħ minħabba l-pandemija.
Fil-fatt tul il-pellegrinaġġ mijiet ta’ muturi u roti għaddew minn numru ta’ lokaltajiet differenti madwar Malta, bix-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja fuq quddiem. Filwaqt li dawk li għażlu jattendu għall-pellegrinaġġ bil-mutur bdew iterrqu mal-pajjiż mill-Mosta, dawk bir-rota bdew bir-rotta tagħhom minn barra l-Imdina.
Finalment ftit wara nofsinhar il-pellegrinaġġ wasal lura f’Ħaż Żabbar hekk kif Triq is-Santwarju mtliet bil-muturi u r-roti.
Hemmhekk ONE News tkellem ma’ wħud minn dawk li għażlu jipparteċipaw hekk kif ħafna sostnew kif din ma kienetx l-ewwel darba li għażlu jsuqu mutur jew rota wara x-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja, li hija wkoll il-protettriċi tas-sewwieq tal-muturi.
Żagħżugħ partikolari leħħen is-sodisfazzjon tiegħu li mill-ġdid qed jerġa’ jsir dan il-pellegrinaġġ tant qalb mhux biss iż-Żabbarin iżda eluf ta’ persuni oħra madwar Malta.
“Jien għandi lil ommi min hawn minn Ħaż-Żabbar allura niġu ta’ kull sena. Ilna sentejn maqfulin u bi ħġarna nerġgħu nirritornaw f’dan il-pellegrinaġġ.”
Fi tmiem il-pellegrinaġġ dawk kollha li ħadu sehem inġabru quddiem is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja fejn hemm talbu flimkien filwaqt li numru ta’ saċerdoti bierku liċ-ċiklisti, is-sewwieqa tal-muturi u kif ukoll dawk li għażlu biss jattendu sabiex isegwu l-attività.
L-ewwel Pellegrinaġġ jmur lura għall-1951. L-ewwel pellegrinaġġi kienu jinvolvu biss is-sehem tal-muturi u kien aktar tard li bdew jattendu dawk bir-roti.