Il-Kabinett ta’ Iżrael mistenni jiltaqa’ dalgħodu sabiex japprova l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u rilaxx ta’ ostaġġi li ġie maqbul mal-Hamas f’Gaza lbieraħ hekk kif id-dinja tinsab ottimista li dan se jwassal sabiex tintemm il-gwerra li ilha għaddejja ħmistax-il xahar.
Ħafna Palestinjani u familjari tal-ostaġġi Iżraeljani ħarġu jiċċelebraw l-aħbar ta’ dan il-ftehim li għandu jidħol fis-seħħ nhar il-Ħadd fejn inizjalment il-ftehim ikopri sitt ġimgħat ta’ tregwa iżda sa dakinhar il-ġlied qed ikompli.
L-Aġenzija tad-Difiża Ċivili f’Gaza qalet li mill-anqas 20 Palestinjan ieħor inqatlu minn mindu tħabbar dan il-ftehim ilbieraħ filgħaxija.
Dan il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied huwa akkwist diplomatiku konsiderevoli u ilu mistenni iżda ħafna huma tal-opinjoni li mhux se jkun qed iġib fi tmiemu l-kunflitt li ilu għaddej seklu sħiħ.
Il-Hamas kienu attakkaw in-Nofsinhar ta’ Iżrael nhar is-7 t’Ottubru 2023 fejn inqatlu madwar 1,200 persuna filwaqt li ttieħdu 251 ostaġġ lura lejn Gaza. Dan l-attakk stakka offensiva enormi minn Iżrael fuq Gaza li matulu, skont il-Ministeru tas-Saħħa immexxi mill-Hamas, 46,000 Palestinjan sfaw maqtula.