Dalgħodu fil-Pitkalija l-affarijiet jidher li mxew normali, bil-bdiewa biegħu l-prodotti tagħhom.
Dan wara kwistjoni li qamet bejn l-Assoċjazzjoni tal-Pitkala u l-Koperattiva tal-Bdiewa.
Fil-fatt l-Assoċjazzjoni tal-Pitkala riedet twaqqaf lil dawk li mhumiex membri tagħha milli jbigħu prodotti agrikoli miċ-Ċentru tal-Pitkalija.
Il-Gvern dejjem saħaq li l-Assoċjazzjoni tal-Pitkala qed tieħu dawn l-azzjonjiet fid-dawl tat-talba tagħha biex tneħħi l-garanzija bankarja imposta fuq kull tiġdid ta’ liċenzja.
Din kienet iddaħħlet fl-2014 bħala mezz ta’ sigurtà sabiex kull ħlas dovut mill-pitkala lill-bdiewa jkun onorat.
Illum l-Għaqda tal-Bdiewa Attivi kkonfermat li l-bdiewa biegħu kollox bi prezzijiet raġonevoli.
L-Għaqda rringrazzjat lil Gvern tal-kordinament u anki lix-xerrejja li kkonkorrew biex jixtru l-prodott tal-bidwi.
Dalgħodu kmieni, għall-ħabta tas-sagħtejn il-bdiewa daħlu fis-suq tal-pitkalija gwidata minn uffiċjali tal-Ministeru għall-Biedja imbagħad għall-ħabta tal-erbgħa ta’ dalgħodu daħlu l-bejjiegħa tal-ħaxix wara li kien hemm ċertu ħin biex il-bdiewa laħqu armaw posthom.