Dalgħodu fis-sebgħa nfetħet il-votazzjoni bikrija għall-elezzjoni ġenerali.
Il-votazzjoni se tibqa’ miftuħa sal-għaxra ta’ bil-lejl.
Se jivvutaw dawk li se jkunu msefrin jew rikoverati fi sptar nhar is-26 ta’ Marzu.
Apparti minn dawn illum se jivvutaw ukoll l-anzjani fid-djar tal-anzjani u xi priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li jistgħu jivvutaw għaliex għadhom mhux sentenzjati.
Fil-fatt, illum se jivvotaw b’kollox 8,760 persuna: 3,453 li applikaw biex jivvotaw fil-votazzjoni bikrija, 1,518 -il anzjan li joqogħdu fi djar tal-anzjani ser ikunu qed jivvotaw fuq il-polza tal-vot skont f’liem lokalità tinsab id-dar tal-anzjani u bl-istess manjiera ser ikunu qed jivvotaw 875 persuna f’San Vinċenz de Paul. Dan filwaqt li 2,203 anzjani se jivvotaw fuq il-polza tal-vot skont id-distrett li ġejjin minnu.
180 persuna oħra li ser jivvotaw f’din il-votazzjoni bikrija bħalissa jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u 531 persuna oħra huma pożittivi għall-COVID-19 jew jinsabu fi kwarantina.
Uħud minn dawk li huma eliġibbli jivvutaw illum, sal-bieraħ f’nofsinhar kellhom jagħmlu dikjarazzjoni mal-Kummissjoni Elettorali.
Intant, sa issa fadal madwar 37,000 vot x’jinġabru mill-għases tal-Pulizija.
Id-dokument tal-vot jista’ jinġabar mill-għases sal-Ħadd bejn it-08:00 ta’ filgħodu sa nofsinhar.
Wara mbagħad ikollu jinġabar mill-uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fin-Naxxar.
Fil-votazzjoni bikrija tas-Sibt se jintużaw għall-ewwel darba l-erba’ ċentri tal-votazzjoni għal dawk pożittivi għal Covid-19 jew kwarantina mandatorja.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Kummissjoni Elettorali l-Ġimgħa, il-Kap tal-Kummissjoni Elettorali Joe Camilleri qal li dawn iċ-ċentri fil-Life Sciences Park San Ġwann, fil-parking ta’ Smart City, f’Ta’ Qali ħdejn l-Outdoor gym u f’Ta’ Xħajma fix-Xewkija Għawdex se jintużaw illum bħal l-lum ġimgħa.
Intqal li f’dawn iċ-ċentri se jivvutaw dawk li kienu pożittivi jew fi kwarantina bejn it-12 u l-25 ta’ Marzu.