F’erba’ siti differenti f’rotta ewlenija ta’ erba’ kilometri bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali, il-kuntratturi ta’ Infrastruttura Malta bdew bix-xogħlijiet bħala parti mill-proġett tas-Central Link.
Proġett li b’investiment ta’ €55 miljun, se jara tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar, titjib fil-kwalità tal-arja, u ħolqien ta’ spazji aktar siguri f’toroq ewlenin bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali.
Bil-gaffa fl-isfond, il-Perit Walter Portelli spjega li x-xogħlijiet fl-ewwel fażi tal-proġett jinkludu l-iskavar għall-pedamenti tal-korsiji l-ġodda u l-waqfiet għall-karozzi tal-linja.
Qal li f’din l-ewwel fażi, it-traffiku mhux se jiġi affettwat, hekk kif il-korsiji kollha eżistenti se jibqgħu miftuħin. Is-Sur Portelli spjega: “Bdejna x-xogħol ta’ skavar biex inkunu nistgħu nibnu bankini ġodda, korsiji ġodda għar-roti u korsiji ġodda għat-traffiku. Ladarba nlestu x-xogħol f’din l-area, imbagħad inkunu nistgħu naqilbu t-traffiku f’din l-area u ngħaddu għal fażijiet oħra tal-proġett.”
Ix-xogħlijiet bdew wara li tim ta’ esperti għamlu proċess ta’ ppjanar metikoluż, li nkluda konsultazzjoni pubblika u studju komprensiv dwar l-impatt ambjentali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, Frederick Azzopardi, spjega li ħafna mill-ħamrija li se titneħħa fl-ewwel fażi tax-xogħlijiet, se tittieħed f’Ta’ Qali biex tintuża għall-bini tal-park nazzjonali.
Is-Sur Azzopardi stqarr: “L-ewwel target tagħna huwa li kemm jista’ jkun il-ħamrija tibqa’ fuq il-post. Infatti sar ħafna ftehim ma’ ħafna bdiewa fejn huma stess aċċettaw u jixtiequ li tibqa’ fuq il-post, imma mbagħad għandna wkoll l-option fejn nieħdu ħamrija f’post ieħor. Qed nieħdu ħamrija wkoll ġewwa ta’ Qali fejn hemmhekk se jkun eventwalment qed jinbena park.”
Fakkar li ġaladarba jitlesta l-proġett, se jkun hemm aktar siġar milli hemm illum. Is-Sur Azzopardi tenna: “Bħala parti mill-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar, kien hemm ukoll permessi oħra. Permessi fejn siġar li jistgħu jiġu mħawla post ieħor, ikunu qegħdin jitħawlu post ieħor, imma mbagħad ikun anki kumpens ta’ aktar siġar li finalment iva, huwa proġett li kif ikun lest, se nkunu qed nispiċċaw b’aktar siġar milli hemm illum.”
Azzopardi temm ifakkar f’benefiċċji oħra li se jġib miegħu l-proġett, fosthom arja aktar nadifa u tnaqqis sostanzjali fil-ħin tal-ivvjaġġar.