Kien l-Erbgħa, 27 ta’ Ġunju tal-2007, meta ħames persuni: Vincent Galea, Paul Bonnici, Sunny Borg, Richard Cardona u Carmel Farrugia mill-kamra tan-nar ta’ Santa Liena 18 t’ Awwissu tilfu ħajjithom traġikament waqt li kienu qedgħin jaħdmu n-nar għall-festa ta’ Santa Liena.
John Borg, li ilu mal-50 sena jaħdem in-nar għal festa ta’ Santa Liena kellu jkun il-kamra tan-nar bħas-soltu, iżda x-xorti riedet li jkun banda oħra.
“Konna nitilgħu fl-16:00, għax il-biċċa l-kbira kont jien inwassalhom. Nitla’ filgħaxija indur mar-raħal. Ġieli fil-karozza għabbejt 7 jew 8. Nitilgħu, nieħdu belgħa tè l-ewwel u nkomplu nagħmlu sad-21:00 imbgħad ninżlu ‘l isfel. Imma kumbinazzjoni dakinhar jien ma kontx qed naħdem magħhom. Qisu l-Bambin, ma riedx”.
John fisser magħna kif irreaġixxa malli sema b’din l-aħbar bħal sajjetta fil-bnazzi:
“X’ħin smajt l-aħbar tlajt niġri mal-ewwel biex nara u hekk. Filgħaxija kienu sabu tnejn minnhom imbgħad l-għada sibna t-tlieta l-oħra niftakar”.
Emozzjonat, John tkellem dwar sħabu li dakinhar daħlu bħas-soltu biex jaħdmu n-nar b’ħeġġa liema bħala sabiex il-festa tkun waħda spettakolari:
“Dawn għalija mhux taw ħajjithom biss, għalija nies martri. Għax tkun qed taħdem in-nar, taf fejn qiegħed, is-sogru li hemm, qed tagħti ħajtek għal hekk jien għalija dawn nies martri jissejħu qed tifhem? U l-bqija, ma nafx…”
Intant, ma’ John iltqajna waqt l-inawgurazzjoni ta’ monument li jfakkar il-vittmi tal-logħob tan-nar f’Birkirkara. B’kollox huma mfakkara tnax-il vittma li sfortunatament iltaqgħu mal-mewt huma u jaħdmu n-nar għall- festa ta’ Santa Liena bejn l-elf disgħa mija u disgħa u għoxrin u l-elfejn u sebgħa.
Is-Sindku ta’ Birkarkara, Joanne Debono Grech qalet li l-monument kien ix-xewqa ta’ ħafna Karkariżi għal diversi snin u appellat lil kull min jgħaddi biswit il-monument biex jieqaf minuta u jiftakar f’dawn il-persuni li ssagrifikaw ħafna għall-festa ta’ Birkirkara.