Għal kull ġenituri, it-telfa ta’ iben jew bint hi waħda mill-iktar kiefra, iżda l-ħajja trid tkompli billi mingħajr ma tkun trid ikollok taċċetta dak li ġara. Hekk sostnew omm u missier Mario Galea, Crossie u Sammy. Ċiklist li ftit tax-xhur ilu sfortunatament tilef ħajtu.
Ma’ The People of Malta, din il-koppja rrakkontat kif “erba’ xhur ilu mitilna t-tifel il-kbir, Mario Galea. Kellu 45 sena. Miet waqt li kien sejjer ma’ sħabu jsuq ir-rota. Kienu qegħdin Għawdex. Telgħetlu blood cloth minn siequ għal qalbu.”
Missieru Sammy sostna kif “dakinhar li miet kien qalli: “Pa, għada ċċempillix għax inkun qed insuq ir-rota.” Dakinhar qalbi ħebritni li t-tifel kien se jiġrilu xi ħaġa.”
Kompla billi spjega kif “l-ikbar xokk tiegħi hu meta nara ċiklist liebes l-aħmar bħalma kien liebes hu. Kellu ħafna bonding magħna.”
Huma temmew billi qalu li “il-ħajja trid tkompli u rridu naċċettawha. Erbat itfal kellna. Spiċċajna bi tnejn. It-tieni wild li kellna mietet wara ftit sigħat li twieldet.”