Dak żgur qatilha.
Hekk qalet it-tifla ta’ Rita Ellul lill-Ispettur Josef Gauci meta ċemplet fuq il-mobile ta’ ommha.
Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Gauci hekk kif il-Ħamis beda jinstema’ l-ġuri ta’ Lawrence Abina ta’ tnejn u tletin sena mill-Ghana li qed jiġi akkużat bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu Rita Ellul f’appartament f’Għajnsielem.
Meta seħħ id-delitt, il-koppja kienet għaddejja bi proċeduri oħra relatati ma’ vjolenza domestika.
Fuq il-pedana tax-xhieda, l-Ispettur Gauci qal li meta daħal fl-appartament sab lill-vittma fl-art bil-piġama. Huwa żied jgħid li kien tkellem mas-Surġent tal-Pulizija fejn spjegalu li kien Abina li sabha bla ħajja.
Spjega li għall-ewwel il-pulizija mxew fuq it-teżi li l-vittma mietet mewta naturali, iżda mill-awtopsja ħareġ li l-vittma ġiet fgata wara li nstabulha wkoll tbenġil li seta’ indika li l-akkużat ħebb għaliha. B’hekk inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Abina.
L-Ispettur Gauci kompla jixhed li fl-ewwel interrogazzjoni mill-pulizija, Abina kien qal li filgħodu kien kellem lill-vittma u ħalliha fis-sodda meta ħareġ. Abina qal ukoll li meta mar id-dar wara x-xogħol kien sabha mejta. L-akkużat qal ukoll li l-lejl ta’ qabel ħarġu jaraw film tal-biża, marru d-dar u kellhom relazzjoni intima flimkien u raqdu. Abina ċaħad ukoll li qatilha.