“Is-sentejn u nofs li ġejjin se jkunu determinanti għall-Unjoni Ewropea biex tilqa’ għall-isfidi li għandha quddiemha. L-UE tista’ tieħu deċiżjonijiet li ma jkunux fl-interess tagħna. Għalhekk rridu niflu l-effett tad-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-UE. Jekk l-UE issir għaqda militari, Malta tkun fuq il-fruntiera ta’ din l-għaqda militari minħabba l-qagħda ġeografika tagħha. Il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna tipprojbixxi indħil f’alleanzi militari u irrispettivament minn dan irridu nifhmu jekk għaqda militari tal-UE tkunx fl-interess ta’ pajjiżna. L-Ewropa tista’ tieħu wkoll deċiżjonijiet li jaffettwaw is-servizzi finanzjarji f’pajjiżna. Quddiem l-istaġnar ekonomiku fl-Ewropa u wara l-iskandli tal-Luxleaks u tal-Karti tal-Panama, il-politiċi Ewropej issa jridu jilleġislaw dwar is-servizzi finanzjarji. Dawn il-miżuri jistgħu jaffettwaw is-servizzi finanzjarji f’pajjiżna li jammontaw għal 25% tal-ekonomija tagħna. Id-deċiżjonijiet li jittieħdu fl-Unjoni Ewropa, anke jekk jistgħu jidhru imbiegħda minn Malta, jaffettwaw lilna u lill-familji tagħna. Irridu insegwu dak li għaddej fl-Ewropa u nistaqsu kontinwament kif se niġu affettwati mill-iżviluppi fl-Ewropa.”
Dan qalu l-Ewroparlamentari Alfred Sant fil-Qawra meta indirizza udjenza numeruża dwar il-futur ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. “Ninsabu lejlet il-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea, li se tkun fi żmien delikat. Se jkunu sitt xhur impenjattivi għal pajjiżna biex imexxi l-ħidma tal-Unjoni Ewropea iffaċċjata bi sfidi politiċi, ekonomiċi, soċjali u diplomatiċi. Kuntrarjament għal dak li għaddej fl-Ewropa, it-tmexxija ekonomika f’Malta ħolqot impjiegi u negozji ġodda b’riżultat tal-ħidma tal-Gvern Malti fl-aħħar tliet snin. Importanti li insegwu dak li għaddej fl-Ewropa għax dan se jaffettwana fil-futur.
“Irridu nifhmu xinhu fl-interess tagħna biex nagħmlu l-għażliet meħtieġa. L-ekonomija fl-Ewropa bdiet tirpilja, iżda baqa’ l-biżgħa li mil-lum għall-għada l-affarijiet jistgħu jmorru għall-agħar. Il-mexxejja Ewropej mhumiex ċari għandhomx risposta għall-isfidi. L-istaġnar għadu jinħass fin-negozju u fin-nuqqas ta’ investiment. Anzjani jibżgħu li jitilfu l-pensjoni, żgħażagħ u ħaddiema bla prospetti ta’ impjiegi bil-perspettivi jingħalqu u bi dwejjaq dejjem jikber. Fejn se jwassal dan l-istaġnar? Id-dwejjaq fl-Ewropa qed jinfirex. Min m’għandu xejn x’jitlef qed jitbiegħed mill-partiti tradizzjonali u jersaq lejn dawk il-partiti li sa ftit ilu konna nsejħulhom faxxisti. L-Ewropa qed taqa’ lura ekonomikament u soċjalment u mhux tilqa’ għall-aspettattivi tan-nies. Għalija din hi l-aktar problema kruċjali.” saħaq Alfred Sant.
Dr Sant semma l-kriżijiet li laqtu l-Ewropa fl-aħħar sentejn u nofs fosthom is-sanzjonijiet mar-Russja li waqqfu proġetti kbar bħall-enerġija mir-Russja lejn l-Ewropa; l-isfiduċja f’pajjiżi kbar bħall-Ġermanja minħabba l-kriżi tal-immigrazzjoni; il-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa li ma jridux jaqsmu l-piż tal-immigranti meta pajjiżi bħall-Italja u Malta kienu ilhom jerfgħu waħedhom l-istess piż; in-nuqqas ta’ rieda tajba bejn l-UE u t-Turkija, li jekk tkun aċċettata membru fl-UE, issir l-akbar pajjiż fl-UE; il-kriżi tat-terroriżmu li fl-aħħar xhur anke laqat lil Franza u lill-Belġju; l-effett tal-BREXIT fuq l-Ewropa fejn is-27 pajjiż iridu jiddefendu l-interessi tagħhom fin-negozjati li se jsiru mar-Renju Unit.