Fuq it-titjira minn Pariġi għal Malta, l-Air Malta kellha xi ħaġa abbord li normalment tkun imniżżla fil-lista ta’ affarijiet li ma tistax itella miegħek fuq l-ajruplan. Dan hekk kif il-linja tal-ajru kienet onorota li ntgħażlet biex iġġorr artefatt prestiġġjuż hekk kif ġabet l-istallett tal-Gran Mastru Jean de Valette.
Matul dawn l-aħħar ftit ġimgħat l-Air Malta kienet qed tagħmel tħejjijiet dettaljati sabiex tiżgura li dan l-artefatt storiku jinġarr f’ambjent sigur li jissodisfa r-rekwiżiti speċjali mitluba kemm mill-Mużew ta’ Louvre kif ukoll minn Heritage Malta. Kien idoneju li l-linja Nazzjonal tal-ajru tagħna iġġorr dan l-artefatt lura lejn Malta,” qal l-aġent Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, Joe Galea. Aktar kmieni matul il-ġurnata tal-Ġimgħa, il-Prim Ministru inawgura l-ftuħ tal-eżebizzjoni li qed isir fil-Mużew Arkeoloġiku fil-Belt Valletta.
L-istallett huwa msemmi għall-Gran Mastru Jean de Valette wara li ġie ppreżentat lilu flimkien ma’ xabla mir-Re Filippu II ta’ Spanja bħala simbolu ta’ rikonoxximent tar-rebħa kbira tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-Assedju l-Kbir tal-1565.
Inizjalment, l-istallett u x-xabla ornamentali kienu jinżammu fil-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta, u kienu għall-wiri matul il-purċissjoni annwali li kienet issir fit-8 ta’ Settembru fit-tifkira ta’ meta l-Assedju l-Kbir wasal fi tmiemu u Malta ħarġet rebbieħa.
Din it-tradizzjoni annwali baqgħet issir sal-1797, għaliex wara, din twaqqfet minħabba d-dominazzjoni Franċiża tal-Gżejjer Maltin.
F’dan iż-żmien, ix-xabla ntbagħtet lejn Franza u tpoġġiet għall-wiri f’mużew bit-teżori minn stati differenti maħkuma. Madankollu, Napuljun Bonaparte għażel li jżomm l-istallett għalih.
Se tkun l-ewwel darba mill-1798 li l-istallett ta’ De Valette se jirritorna Malta, bħala riżultat tal-arranġamenti ta’ self b’suċċess li saru minn Heritage Malta biex juruh f’esebizzjoni flimkien mal-avvenimenti li jiffurmaw parti mill-programm tal-presidenza Maltija tal-UE.