Il-Patrijarki u l-Kapijiet tal-Knejjes Kattoliċi fl-Art Imqaddsa, din is-sena wasslu l-messaġġ annwali tagħhom għall-Għid il-Kbir fi sfond ta’ gwerra fuq l-art fejn seħħet il-vera Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Hawnhekk huma wasslu messaġġ ta’ tama u paċi, filwaqt li appellaw biex b’mod immedjat ikun hemm waqfien mill-ġlied u li f’Gaza titħalla tidħol l-għajnuna umanitarja li tant hemm bżonn.
Huma xebbħu s-sitwazzjoni ta’ bħalissa ma’ dak li ġara elfejn sena ilu. Bħala ma’ Kristu nqatel imbiċċer fuq l-għola tal-Golgota, hekk qed jiġri fil-Medda ta’ Gaza, b’mijiet t’eluf ta’ Palestinjani, bil-maġġoranza tfal u nisa, qed jinqatlu innoċentament mill-militar Iżraeljan.
Il-mexxejja tal-Knisja Kattolika f’Ġerusalemm, appellaw biex f’dawn iż-żminijiet, kulħadd jiftakar f’dawk li qed ibatu, dawk li ma jistgħux isibu kenn mill-qilla tal-gwerra, dawk li huma bil-ġuħ u dawk li m’għandhomx minn jikkurahom.
Sadanittant, l-ogħla Qorti tal-Ġnus Magħquda, qablet b’mod unanimu sabiex tordna lil Iżrael iħalli l-għajnuna umanitarja tidħol mal-Medda ta’ Gaza, “mingħajr ebda ostakli u dewmien.” Dan qed isir minħabba l-biżgħat kbar li hemm li, fil-ġimgħat li ġejjin, eluf ta’ nies se jmutu bil-ġuħ u bil-għatx.
Iżrael qed jiġi akkużat li qed jimblokka din l-għajnuna, bil-Gvern ta’ Benjamin Netanyahu qed jiċħad dan. Ċifri li ġew ippublikati, juru li mat-2.2 miljun Palestinjan qiegħed f’riskju li jispiċċa mingħajr ikel sal-aħħar ta’ Mejju.
Il-Ġnus Magħquda qalet li s’issa 31 persuna mietu kawża ta’ dan, inkluż 27 tifel u tifla.