Illejla fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista se tkun qed issir Konferenza Ġenerali Straordinarja li se tkun qed tlaqqa’ lid-delegati tal-Partit Laburista taħt saqaf wieħed biex fost oħrajn jivvotaw għall-preferenza tagħhom bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament.
Dan ipoġġi piż u responsabbiltà importanti fuq id-delegati tal-Partit Laburista hekk kif il-vot tagħhom se jkun qed iwassal għall-għażla finali ta’ Deputat Mexxej, għażla li jridu jagħmlu bejn tliet kandidati li huma l-Ministru Helena Dalli, il-Ministru Chris Fearne u l-Ministru Edward Scicluna.
Minkejja li l-Konferenza Ġenerali se titlaqqa’ llejla ma jfissirx li se nkunu nafu min se jkun id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament li se jkun qed jieħu post is-Sur Louis Grech hekk kif il-votazzjoni se tkompli matul il-jum tal-Ġimgħa ukoll. Ladarba tingħalaq il-votazzjoni tal-Ġimgħa mat-tokki tat-20.00, jibda l-għadd tal-voti li se jiddetermina jekk kandidat mit-tlieta jiksibx il-50% +1 tal-voti. Jekk ħadd ma jikseb dawn il-voti, matul il-jum tas-Sibt isir it-tieni rawnd ta’ votazzjoni mid-delegati tal-Partit Laburista.
Dan mhux se jkun l-unika vot tad-delegati, hekk kif huma mitluba ukoll jagħtu vot ta’ fiduċja fil-Mexxej Laburista Joseph Muscat u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Chris Cardona. Liema votazzjoni ukoll se tibda llum u tintemm il-Ġimgħa.
Tul din il-Konferenza, l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, mistenni jħabbar ukoll pjan dettaljat biex il-Partit Laburista jżid drastikament il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjoni ġenerali, dik tal-Parlament Ewropew u anke dik tal-Kunsilli Lokali.
Il-Prim Ministru ta l-fiduċja tal-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan f’idejn il-Membru Parlamentari Ewropew, Miriam Dalli. Huwa mistenni li l-MPE Miriam Dalli tagħti spjegazzjoni ta’ kif dan il-pjan se jiġi attwat.
L-amministrazzjoni tal-Partit Laburista se tkun qed tagħti ukoll rendikont tal-infieq u tad-dħul finanzjarju tul il-kampanja elettorali.