Waqt intervent telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat stqarr li dak li qed jgħidu Aġenziji ta’ kreditu Internazzjonali bħal m’huma Fitch Ratings, li għadhom kemm taw rating ieħor ta’ A+ lill-pajjiżna, jirrapreżentaw ir-realtà tas-soċjetà tagħna, ekonomija Maltija li qed tkompli tikber u li qed tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.
Dr Muscat għamel referenza għall-inawgurazzjoni tal-impjant Crane Currency fil-qasam Industrijali ta’ Ħal Far fejn stqarr li din l-inawgurazzjoni kienet ċelebrazzjoni tad-deċiżjonijiet li ħadna biex l-istess Crane Currency jibdew joperaw minn Malta. Il-Prim Ministru saħaq li meta kien attirat l-investiment ta’ Crane Currency l-ewwel darba, il-ħsieb kien li din il-kumpanija tasorbi l-ħaddiema ta’ De La Rue, li kienet se tnaqqas lin-nies. Illum iżda, De La Rue żidet lin-nies, fetħet Crane Currency u se jkun hemm aktar aħbarijiet sbieħ f’dan is-settur, qal Joseph Muscat. Il-Mexxej tal-Partit Laburista fakkar ukoll li biex ikun hemm ħaddiema biżżejjed fis-settur tal-istampar, l-MCAST fetħet korsijiet apposta.
3 kumpaniji fis-settur tal-Marijuana Medika qed iħarsu lejn Malta biex jinvestu
Dr Muscat semma d-dibatittu fil-Parlament dwar il-Marijuana Medika u stqarr kif dan huwa settur ekonomiku ġdid li se jista’ jinfetaħ li jħaddem miegħu mijiet ta’ ħaddiema. Il-Prim Ministru stqarr li bħalissa hemm 3 kumpaniji li qed iħarsu lejn Malta sabiex jestendu l-operat tagħhom hawn. Dan kollu se jkun hemm qed jagħmel lil Malta fost l-ewwel fl-Ewropa f’dan is-settur, tenna l-Mexxej tal-Partit Laburista.
B’referenza għat-tħassib tal-kommunità Żejtunija dwar aktar fabbriki fuq biċċa art tal-Gvern f’Bulebel, il-Prim Ministru saħaq li bħala Gvern għandna dejjem naraw li jkun hemm bilanċ bejn li jkun hemm aktar postijet għall-fabbriki u allura aktar impjiegi u l-iżvilupp u l-bżonnijiet tal-kommunità. Għal dan il-għan il-Gvern qed jaħdem sabiex tinstab alternattiva, sostna Joseph Muscat.
Id-deċiżjonijiet fid-diskussjonijiet li għaddejjin bejn il-Gvern u l-MAM għandhom ikunu bbażati fuq il-futur u mhux il-passat
Fl-aħħarnett il-Mexxej Laburista semma d-diskussjonijiet li għaddejjin bejn il-MAM, l-Assoċjazzjoni tat-tobba u l-Gvern dwar l-isħubija tal-Gvern mal-privat sabiex ikunu żviluppati mill-ġdid l-ispartijiet San Luqa, Karin Grech u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex, immexxija mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għandhom iwasslu sabiex jingħataw l-assigurazzjonijiet lil partijiet kollha.
Il-Prim Ministru saħaq lid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu għandhom ikunu bbażati fuq il-futur u mhux fuq il-passat. Għandu jkun hemm żviluppi pożittivi fit-taħdidiet jekk ikun hemm rieda minn kulħadd, temm jgħid Dr Muscat.