Euro 2016 kienet edizzjoni tal-kampjonati Ewropej li kisret it-tradizzjoni, b’riżultati li marru kontra kull xejra. Min jiddiletta bl-istatistika, u qabel kull logħba jipprevedi riżultat abbażi tar-rekords eżistenti, din id-darba kellu sorpriżi kbar jistennewh.
Fl-aħħar 22 sena, l-Italja qatt ma rebħet lil Spanja f’logħba kompetittiva. L-aħħar rebħa Taljan fil-fatt kienet fid-9 ta’ Lulju 1994. Iżda f’Euro 2016, daret il-folja. Kontra kull stennija, anke minħabba l-iskwadra inqas b’saħħitha mis-soltu, l-Italja għelbet lil Spanja 2-0 u għaddiet għal kwarti tal-finali.
Iżda t-tradizzjoni inkisret ukoll għat-Taljani f’din l-edizzjoni. Ma kienu qatt fl-istorja tagħhom tilfu partita uffiċjali kontra l-Ġermanja. F’kull logħba ta’ kwalifikazzjoni, kampjonat Ewropew jew Tazza tad-Dinja, l-Italja dejjem rebħet jew akkwistat draw kontra l-Ġermanja. F’Euro 2016 twaqqaf dan ir-rekord. Il-Ġermanja għelbet lill-Italja bl-għoti tal-penalties biex ikkwalifikat għas-semi finali.
Kien imiss lill-Ġermanja imbagħad li titlef f’Euro 2016 kontra kull xejra. Fl-aħħar nofs seklu, Franza qatt m’għelbet lill-Ġermanja f’kompetizzjoni uffiċjali. Iżda f’din l-edizzjoni ġara dak li ma seħħx fi 48 sena. Franza għaddiet għal Finali b’rebħa ta’ 2-0 fuq il-Ġermanja.
U ma setax jonqos li t-tradizzjoni tinkiser ukoll għal Franza. Fil-finali, u f’darhom stess. Fl-aħħar 41 sena, il-Portugal qatt ma rebħet lil Franza. L-aħħar rebħa Portugiża fil-fatt kienet fis-26 t’April 1975. Minn dakinhar ‘l hawn dejjem kellna rebħiet Franċiżi. Iżda anke hawn daret il-folja. Il-Portugal rebħet it-titlu b’rebħa mhux mistennija ta’ 1-0 fuq Franza wara l-ħin barrani.
Kienet ukoll edizzjoni fejn ir-rebbieħ fil-fatt rebaħ biss logħba waħda biss fid-90 minuta tul il-kompetizzjoni kollha.
Euro 2016 tas-sorpriżi. Euro 2016 li ttina statistika ġdida u xenarju differenti għall-kompetizzjonijiet li jmiss.