L-Ispeaker Anġlu Farrugia ppreseda t-tnedija tal-ktieb “Il-Poter tal-Kelma”, liema pubblikazzjoni tiġbor fiha l-interventi kollha li kienu saru f’konferenza bit-tema “Il-Poter tal-Kelma, Politika u Letteratura f’Oliver Friggieri,” li saret f’April tas-sena 2022, bħala tifkira lill-Professur Oliver Friggieri li miet f’Novembru 2020.
L-Ispeaker qal li l-Professur Friggieri mhux biss kellu mħabba għall-ilsien Malti iżda għall-poplu Malti u fuq kollox għan-nazzjon Malti. Hu kompla billi qal li Oliver Friggieri għaraf sew il-mixja politika u d-deċiżjonijiet li ttieħdu li lkoll sawru lill-poplu Malti bħala wieħed sovran filwaqt li jippromwovi s-sliem u l-progress fost il-ġnus. Hu kompla billi qal li dak li nkiteb minnu, jibqa’ mnaqqax fl-imħuħ u l-qlub ta’ bosta Maltin u Għawdxin.
L-Ispeaker tenna li għandha tittieħed inkonsiderazzjoni li dan il-ktieb ippubblikat mill-Parlament ta’ Malta jitqassam lill-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex kif ukoll lill-istudenti tal-Università ta’ Malta, tal-Junior College u tal-Higher Secondary.
Is-seduta kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri.