Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef qal li dak li jgħaqqadna bħala Partit hija l-ambizzjoni li nkomplu mexjin ’il quddiem.
Fl-għeluq tal-attività tal-Ħadd fl-MFCC f’Ta’ Qali bħala parti mill-konferenza tal-Partit Laburista bit-tema “Inġeddu Malta Flimkien”, Daniel Micallef innota kif spiċċa ż-żmien li nitkellmu fuq mediċini out of stock, imma b’differenza issa qegħdin nitkellmu fuq x’mediċini u servizzi ġodda se ndaħħlu fis-sistema tas-saħħa f’pajjiżna.
Huwa faħħar id-diskussjonijiet u s-suġġerimenti li saru matul din il-konferenza, imma qal li issa rridu nieqfu niddiskutu u naġixxu fl-interess tal-familji Maltin u Għawdxin.
Appella lil kulħadd biex jaqsam l-esperjenzi tiegħu dwar aspetti differenti tal-ħajja, għaliex fi kliemu, in-nies huma ċ-ċavetta tal-bidla li trid issir.
“Dan il-Partit mhux se jkun parteċipi f’xi logħba irresponsabbli li nwiegħdu kollox lil kulħadd. Meta jasal il-mument, aħna se nniedu viżjoni għall-futur ta’ pajjiżna bbażata fuq il-kredibilità li ksibna li mhux inparlaw biss, imma nwettqu”, temm jgħid id- Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.