Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa sehem fis-Summit Informali dwar il-Futur tal-Ewropa f’Sibiu, fir-Rumanija.
F’kummenti fi tmiem is-summit, il-Prim Ministru qal li minkejja ċ-ċokon ta’ Malta, f’kull livell dejjem rajna li nħarsu l-interess nazzjonali u dejjem ħdimna favur Malta.
“Bħala Unjoni Ewropea rridu li dejjem infittxu dak li jgħaqqadna iktar milli dak li jifridna għax dak li . Dan is-sens Ewropeista ma għandux jinħass kontra li wieħed iħares l-interess nazzjonali tiegħu. Jien se nibqa’ favur Malta. Għax li tkun favur Malta ma jfissirx li tkun kritiku tal-Ewropa u lanqas li ma jfisser li tgħid iva f’kollox lil Ewropa, imma jkollok sens kostruttiv ta’ kif tmexxi l-ideat tiegħek. Għax l-ideat ma jiddependux mid-daqs tal-pajjiż imma mis-saħħa tagħhom. Il-kontribut tal-ideat li Malta ressqet fl-Unjoni Ewropea dejjem kien wieħed pożittiv u dejjem ra li l-Ewropa żżomm sod mal-prinċipji li sawruha tul is-snin”, qal Dr Muscat.
F’Sibiu, il-mexxejja ta’ gvernijiet u stati Ewropej iltaqgħu biex iġeddu l-impenn tagħhom biex l-Ewropa taħdem favur iċ-ċittadini. Is-summit li sar f’Jum l-Ewropa iddiskuta x’direzzjoni se tieħu l-politika tal-Unjoni Ewropea fil-ħames snin li ġejjin, minn wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew sas-sena 2024.
Il-mexxejja impenjaw ruħhom li se jħarsu l-istil tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, li se jagħtu r-riżultati fl-affarijiet importanti, se jirrispettaw il-prinċipju tal-ekwità kemm fis-suq tax-xogħol, fl-assistenza soċjali, fl-ekonomija, jew fit-trasformazzjoni diġitali.