L-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello, li kien tqabbad mit-Times of Malta biex jagħmel rapport ta’ inkjesta interna, qal li dwar dan ir-rapport jinsab marbut b’kunfidenzjalità.
Dan ir-rapport kien intalab f’perjodu li saru numru ta’ allegazzjonijiet dwar l-operat tal-kumpanija u r-relazzjoni tul is-snin bejn it-tmexxija tal-kumpanija u negozji oħra, partikolarment Adrian Hillman u Keith Schembri.
Wara li sar magħruf li numru ta’ persuni kienu se jitressqu l-Qorti b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ tixħim, wara inkjesta li nibtet minn dawn l-allegazzjonijiet, is-sit lovinmalta ikkuntatja lill-Imħallef Bonello.
“Dik investigazzjoni privata għal kumpanija privata… għandi l-obbligu tal-kunfidenzjalità,” qal l-Imħallef Bonello dwar rapport li qatt ma kien ippubblikat.
Eventwalment l-Imħallef Bonello kien appuntat chairperson tal-Fondazzjoni Strickland li tmexxi Allied Group.
Mistoqsi jekk din il-ħatra waslitx għal kunflitt ta’ interess l-Imħallef Bonello qal li le.
Mistoqsi dwar Vince Buhagiar, li kien Direttur Maniġerjali tal-Allied, l-Imħallef Bonello ddikjara li ma jistax jikkummenta dwaru imma li safejn jaf hu ħadd ma kien implikat fl-investigazzjoni.
Intant, anke Mario De Marco kien mitlub jikkummenta dwar l-aħħar żviluppi għaliex hu membru tal-Kunsill tal-Istrickland Foundation, iżda rrifjuta li jikkummenta. Qal biss li kummenti għandhom jintalbu lill-fondazzjoni.
Intant, rapporti fil-midja qalu li Adrian Hillman mistenni jkun estradit lejn Malta mir-Renju Unit biex hu wkoll jiffaċja akkużi b’rabta mal-investigazzjoni dwar allegat korruzzjoni fit-Times of Malta.