Fid-diskors tiegħu fis-Sannat Għawdex, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li dak li Għawdex esperjenza f’dawn l-erbà snin għadu biss il-bidu. Il-Mexxej Laburista tenna li l-proposti li ħabbar għall-Għawdxin huwa l-akbar pakkett ta’ inċentivi li se joħloq aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
Proposti li għalihom iċ-ċittadini Għawdxin u dawk Maltin se jkunu qed jivvottaw bħal lum ħmistax. Għalhekk il-poplu qal Joseph Muscat se jkun qed jagħżel jekk niefqux nofs triq jew jekk inkomplux mexjin ‘il quddiem. Wara li lbieraħ il-manifest ġie approvat mill-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista l-Prim Ministru tenna li huwa manifest superjuri li se jkun qed joffri xi ħaġa żejda, mhux biss l-enerġija, r-rieda u ambizzjoni imma anke erbà snin ta’ esperjenza fil-Gvern.
F’Għawdex, lill-Għawdxin, Joseph Muscat qalilhom li għandu għal qalbu dak li jgħidu l-Għawdxin u li matul din il-leġiżlatura sema’ x’kienu l-bżonnijiet tagħhom u ħadem biex illum f’Għawdex inħolqu ammont bla preċedent ta’ xogħol, naqas il-qgħad u saru numru kbir ta’ proġetti li qatt ma saru f’Għawdex qabl din il-leġiżlatura.
B’referenza għall-proposta tal-€10,000 ta’ Simon Busuttil, Joseph Muscat qal li Gvern Laburista se jkun qed iwettaq proposti konkreti u li vera jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Fosthom, bil-proposta li se tkun qed tħeġġeġ kumpaniji f’Malta li jiddeċiedu li jgħalqu minn Malta u jiftħu Għawdex u għalhekk joħolqu impjiegi f’Għawdex se jkunu qed jiġu eżentati mit-taxxa għal tliet snien filwaqt li se jingħata tax refund tal-ispejjeż kollha biex isir it-traslokar. Il-Prim Ministru saħaq li dawn huma l-proposti konkreti li vera jagħmlu differenza fil-ħajja tal-Għawdxin.
Il-Prim Ministru semma’ aktar proġetti li wettaq Gvern Laburista u li se jkompli l-ħidma fuqhom fosthom il-proġett tal-fast ferry li diġà applikkaw biex jibdew is-servizz tnax-il kumpanija u proġett tal-iskola Medika barts li se tkun qed tħalli aktar minn €50,000,000 fil-bwiet tal-Għawdxin, turisti u aktar xogħol.
Joseph Muscat fakkar li meta l-Partit laburista qed jispjega l-wegħdi elettorali kollha, Simon Busuttil għadu lanqas ħareġ il-manifest elettorali għall-elezzjoni tat- 3 ta’ Ġunju u dan minkejja li kien qal li startja l-magni. “L-anqas kien għadu biss xtara l-petrol, li issa se jieħdu bl-irħis mhux bħal qabel, aħseb u ara kemm kien startja l-magni.”
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu b’appell. Huwa tkellem dwar l-attakk li sar fuq is-settur finanzjarju ta’ pajjiżna llum u stqarr li fl-istorja ta’ pajjiżna dejjem kien hemm qbil dwaru dan biex jiġi mħares il-ġid tal-pajjiż.
“Iżda Simon Busuttil bi skuża biex mingħalih jagħmel xi ħaġa lili u qed imur jitkellem kullimkien kontra Malta, iżda meta tobżoq fis-sema’ jiġi f’wiċċek u issa pajjiżna qed ibagħti l-konsegwenzi. Jiena lest li nagħti l-id ta’ ħbiberija biex nassigura front wieħed biex inħarsu l-poplu Malti u Għawdxi.”