Missier ir-raġel li nqatel mill-Pulizija fl-ajruport ta’ Orly f’Pariġi lbieraħ wara li attakka suldat Franċiż qed jinsisti li ibnu “mhux terrorist.”
Huwa mifhum li r-raġel, Ziyed Ben Belgacem, poġġa pistola ma’ ras suldat mara u qal li ried imut għal Allah u li se jkun hemm l-imwiet.
Il-missier tkellem ma Europe 1 radio, qal li dak li għamel ibnu huwa riżultat ta’ drogi u alkoħol.
“It-tifel tiegħi mhux terrorist. Qatt ma kien jitlob imma kien jixrob l-alkoħol” spjega l-missier li ismu mhux jixxandar mill-awtoritajiet Franċiżi. “Dak huwa li jiġri meta persuna tkun taħt l-effett tal-alkoħol u l-kannabis.”
Il-prosekuturi Franċiżi ta’ kontra t-terroriżmu qed jinvestigaw dan l-attakk. Iktar qabel fl-istess jum, ir-raġel kien involut fi sparatura u wara serq ta’ vettura. Belgacem huwa deskritt bħala persuna li kien radikalizzat fil-ħabs u kien fuq il-lista ta’ osservazzjoni tal-pulizija.
Il-prosekutur Franċiż Francois Molins qal lill-ġurnalisti tard is-Sibt li r-rekord kriminali tal-aggressur jinkludi kundanni fuq serq u droga.