Dak li qed jiġri bħalissa fl-Afganistan waqqa’ r-reputazzjoni globali li għandha l-Istati Uniti.
Dan intqal magħna mill-kummentatur dwar l-affarijiet barranin, Brendan Zerafa f’intervista ma’ dan l-istazzjon.
Dan hekk kif il-President Amerikan Joe Biden kien ħa deċiżjoni sabiex il-qawwiet Amerikani jitilqu mill-Afganistan.
Sa ftit tal-jiem ilu, Joe Biden kien iddefenda d-deċizjoni li ħa u sostna li l-Gvern Afgan għandu r-riżorsi kollha biex jiddefendi lilu nnifsu mit-Taliban.
Iżda dak li qal Biden mar żmerċ għaliex il-Ħadd, il-Gvern Afgan ċeda lit-Talibani.
Qal, “Bla dubju ta’ xejn ir-reputazzjoni tal-Amerka ħadet daqqa ’l isfel minħabba din il-mossa. Ftit tal-ġimgħa ilu Biden qal illi u nikkwota, li kienet ‘unlikely’ li t-Taliban jieħdu l-poter tal-Afganistan, imma sadanittant illum hawnhekk qegħdin.”
Brendan Zerafa qal kif is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż ilha għaddejja, hekk kif kien hemm ġlieda bejn ir-reliġjużi u s-sekulari.
Kien f’dan iż-żmien li l-Unjoni Sovjetika invadiet sabiex tistabilizza l-Afganistan u wara l-forzi tal-punent bdew jappoġġjaw lil dawk reliġjużi u konservattivi, fil-kuntest tal-Gwerra l-Bierda.
B’dan l-appoġġ żied il-forza ta’ dawn il-gruppi, fosthom tat-Taliban, grupp fundamentalista.
Spjega, “Ġara imbagħad li minn dawn il-forzi Konservattivi fid-disgħinijiet ħarġu t-Taliban, illi ħadu l-poter tal-pajjiż fl-1994 u baqgħu jikkontrollaw il-pajjiż sa 9/11. Wara 9/11 kellek l-Amerka illi invadiet l-Afganistan. Għaliex? Għaliex it-Taliban, dak iż-żmien kellhom il-kontroll tal-Afganistan kienu qed iħallu lil Al Qaeda joperaw minn hemm.”
Is-sitwazzjoni issa jaf terġa’ tkun l-istess, hekk kif it-Talibani lura fit-tmexxija ħelsu l-pruġunieri. Dawn huma nies li kienu u li kien jiġġieldu fi gruppi terroristiċi, fosthom l-Istat Islamiku.
Brendan Zerafa qal li l-iżviluppi tal-aħħar sigħat jaf iwasslu biex dawn il-gruppi terroristiċi jitħallew jaħdmu bla xkiel f’dan il-pajjiż, bħal ma kien ġara bl-Al Qaeda, għoxrin sena ilu.
Dwar il-futur ta’ dan il-pajjiż, il-kummentar dwar l-affarijiet barranin qal kif trid tittieħed azzjoni, iżda hemm mistoqsijiet dwar kif din l-azzjoni tista’ sseħħ.
Fost dawn hemm azzjoni min-Nazzjonijiet Uniti.
Qal, “U rridu niftakru li fil-Kunsill tas-Sigurtà għandek ħames membri li huma permanenti, li huma l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza, ir-Russja u ċ-Ċina illi kollha għandhom il-veto u jistgħu jaqbdu dawn u jekk ikun hemm xi mozzjoni biex il-Kunsill tas-Sigurtà jieħu azzjoni fl-Afganistan, jistgħu jaqbdu u jużaw il-veto tagħhom u jwaqqfu l-azzjoni ħesrem.”
Intant matul il-jum tat-Tnejn, l-eks President Donald Trump qal li l-President Amerikan Joe Biden għandu jirriżenja, minħabba li dak li ġara f’dan il-pajjiż, hija waħda mill-agħar telfiet għall-Amerikani.
Ukoll Malta flimkien ma’ numru ta’ pajjiżi oħra li jammontaw għal sebgħin appellaw sabiex il-fruntiera tal-Afganistan tibqa’ miftuħa.