Forsi l-kelma ‘trattat’ teħodna lura għal żmien il-lezzjonijiet tal-istorja, fejn ħafna minna ftit li xejn konna ninteressaw ruħna. Storikament, trattat huwa sempliċiment ftehim bejn numru ta’ pajjiżi, normalment wara xi kunflitt.
Trattat jista’ jfisser ukoll i-bidu ta’ kapitlu ġdid fl-istorja. Per eżempju, il-famuż trattat ta’ Liżbona, li emenda żewġ trattati qabel biex stabbilixxa l-Unjoni Ewropea kif nafuha llum.
F’dawn il-jiem qegħdin infakkru it-Trattat ta’ Ruma. Trattat li 60 sena ilu fisser il-bidu ta’ Suq Komuni fost stati Ewropej, u eventwalment il-bidu tal-Unjoni Ewropea.
Dan kollu beda jinbet fl-1951 mal-iffirmar tat-Trattat ta’ Pariġi, fejn kienet stabbilita liġi internazzjonali biex terġa tinbena l-ekonomija Ewropea wara snin ta’ kunflitt.
L-oriġini tal-Unjoni Ewropea bħala grupp ta’ pajjiżi li riedu jingħaqdu fi ‘żwieġ’, kien immarkat propju fil-25 ta’ Marzu, 1957, bit-Trattat tal-Komunità Ekonomika Ewropea. Hawnhekk, Franza, l-Olanda, il-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju u l-Lussemburgu ffirmaw u wegħdu li ċ-ċittadini tagħhom se jkollhom futur aħjar. Stati Membri oħra li bdew jissieħbu f’dan il-kunċett politiku ġdid, kienu qed jingħaqdu f’politika tal-futur li ġġib l-ewwel u qabel kollox il-valuri Ewropej għal ħajja aħjar taċ-ċittadin.
Friegħi oħra ta’ dan it-trattat indirizzaw kwistjonijiet bħal tariffi fuq prodotti, moviment ħieles tal-persuni, politika komuni għat-trasport, u l-projbizzjoni tal-monopolji fost oħrajn, sakemm eventwalment, fl-1992, tfassal it-trattat tal-Unjoni Ewropea.
60 sena wara, għandna Unjoni Ewropea li għaddiet minn diversi kapitli. L-aħħar snin offrew sfidi partikolari għat-28 Stat Membru. Bejn theddid kontinwu minn għaqdiet terroristiċi, influss ta’ immigranti jftixxu futur aħjar, kritika miċ-ċittadin innifsu, u saħansitra, Stat Membru li għamilha ċara li l-kapitlu tiegħu bħala Stat Ewropew għandu jintemm. Għandna Unjoni Ewropea li bħal kull għaqda oħra fl-istorja, forsi tilfet xi ftit it-triq tagħha, u issa intebħet li hemm bżonn li l-valuri li 60 sena ilu kienu l-bażi li nbiet fuqhom, jerġgħu jitqajmu.
Fi tmiem din il-ġimgħa tista’ tgħid li l-istorja se tirrepeti ruħha. Il-post li ra l-ewwel firem fuq it-Trattat ta’ Ruma, 60 sena wara se jara 27 mexxej jiddiskuti Ewropa aħjar, Ewropa li għandha tagħti sigurtà u ċertezza liċ-ċittadin. 60 sena wara, fi Piazza del Campidoglio f’Ruma, l-oriġinu tal-Unjoni Ewropea, il-Mexxejja Ewropej se jkunu mistiedna jiffirmaw patt ġdid li se jipprometti għaxar snin ta’ Ewropa li mhux se tinsa il-valuri tagħha, ta’ Ewropa li se toffri l-aħjar li tista’ għaċ-ċittadini tagħha.