F’dinja fejn kull ma jmur qed tkompli tiġi nnutata l-importanza tal-ambjent u l-klima, 36 skola minn madwar Malta u Għawdex ingħataw rikonoxximent għall-impenn tagħhom favur dan il-moviment permezz tal-bandiera l-ħadra.
L-iskejjel primarji tal-Kulleġġ San Benedittu fiż-Żurrieq u dak ta’ Santa Clara f’San Ġwann ingħataw dan ir-rikonoxximent għas-seba’ sena konsekuttiva filwaqt li l-iskejjel primarji tal-kulleġġ Santa Margerita fl-Isla u l-Birgu u l-Kulleġġ Marija Reġina fin-Naxxar kisbu l-bandiera għall-ewwel darba.
Waqt iċ-ċerimonja spikkaw l-inizzjattivi li saru minn skejjel li għandhom studenti rappreżentati fl-grupp EkoSkola.
Fl-iskola primarja konservatorju tal-Isqof f’Għawdex ġiet introdotta sistema fejn l-istudenti permezz tal-flixkun tal-ilma personali tagħhom jistgħu jixtru l-ilma bi prezz ridott minflok jixtru flixkun ilma tal-plastic kull darba.
L-istudenta Helen Rose qalet: “Għamilna dispenser l-iskola biex minflok nixtru flixkun ilma kuljum inġibu l-bottle tagħna tal-ilma u nħallsu 10c għal kull 100 millilitru.”
Leon Bartolo mill-Kulleġġ San Albertu l-Kbir qal li matul l-aħħar sena bdew jiġbru l-ilma tax-xita sabiex isaqqu l-ġnien li għandhom fl-iskola mingħajr ma jaħlu ilma żejjed. Hu stqarr: “L-ilma li ħa jaqa’ mix-xita ħa niġbruh u nsaqqu l-pjanti li għandna fir-roof garden u nagħtu naqa ideat sostenibbli fl-iskola.”
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-President ta’ Malta George Vella li rringrazzja lil dawn l-iskejjel kollha għall-impenn tagħhom favur l-ambjent.
Huwa saħaq li dawn l-inizjattivi ser ikomplu jassiguraw futur mill-isbaħ għall-ġenerazzjonijet ta’ għada.
Il-grupp EkoSkola huwa grupp massiċċ tassew ħabib tal-ambjent li llum huwa mferrex madwar l-iskejjel f’67 pajjiż u b’hekk jolqot mal-20 miljun student.