Minn borom, għal-linef, pannelli fotovoltajċi, għamara, tapiti u nkwatri b’pitturi mill-isbaħ.
Dawn kollha u ħafna iżjed jinsabu taħt saqaf wieħed, meta għal sena oħra ingħata bidu għall-fiera tal-affarijiet tad-dar fl-MFCC f’Ta Qali.
Din il-fiera hija ideali għall-koppji li jkunu qed jimlew id-dar tagħhom, u anki għal dawk li qed ifittxu li jinvestu f’darhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MFCC Anita Mifsud innotat li l-affarijiet li wieħed jista’ jixtri minn din il-fiera, ilkoll jistgħu jtejbu d-djar tal-viżitaturi.
“Hija opportunità tajba waqt dal-erba’ t’ijiem li jistgħu jiġu u jagħmlu dak li jkun jonqoshom għad-dar jew ikunu qed jippreparaw għal dar ġdida. Jistgħu jaraw kull ma jonqoshom u isibu bażikament kull ma jkollhom bżonn”.
Il-Ministru Ian Borg irrimarka li l-Gvern għandu għal qalbu l-koppji li jinvestu f’darhom u fil-futur tagħhom, u għalhekk ma joffrix biss skemi li jgħinuhom isibu d-dar ideali, iżda wkoll għajnuna lil dawk li jixtieq jirranġawha:
“Miżuri favur enerġija aktar sostenibbli fid-djar, skemi bħal irrestawra darek, skemi sabiex tirrestawra l-aperturi u l-galleriji tradizzjonali. Jiġifieri hemm numru ta’ miżuri. Ovvjament il-Gvern imbgħad qed jara kif jassisti wkoll lil dawk li ma jistgħux ikunu s-sidien ta’ darhom u allura dak li qed jissejjaħ ‘affordable housing’”.
Il-Fiera se tkun miftuħa l-Ġimgħa u s-Sibt bejn is-18:30 u l-22:00.
L-aħħar jum tal-fiera huwa l-Ħadd meta se tkun miftuħa bejn l-10:00 u s-13:00, u it-15:00 u l-22:00.