Kull min juża l-midja soċjali, żgur mhux forsi xi darba jew oħra ltaqa’ ma’ xi moda ġdida li tkun ħarġet jew saħansitra ħa sehem u kompla jdawwar il-messaġġ ma sħabu biex bħall-imxija tal-Coronavirus, il-messaġġ jimxi u jinxtered ma’ aktar nies.
Moda ġdida li ħakmet fuq Facebook kienet it-tefa lura fiż-żmien permezz ta’ xi ritratt antik ta’ meta konna tfal. Għal din l-idea ħelwa, li mxiet ġmielha, ħadu sehem mijiet ta’ persuni saħansitra anke ċelebritajiet Maltin fosthom Daniel Chirchop tad-DanUSan.
Ma’ ONE News, Daniel spjega għalfejn għażel dan ir-ritratt ta’ meta kien għadu tifel.
Daniel stqarr, “Dak ir-ritratt juri l-imqarbizza tiegħi meta kont żgħir u tidher id ħija ż-żgħir fejn jippersonifika l-imqarbizza tagħna li dak iż-żmien konna sitt aħwa.”
Mistoqsi jekk għandu xi memorja għal qalbu, Daniel qal li m’għandux memorja partikolari iżda memorji ta’ għaqda flimkien mas-sitt ħutu meta kienu għadhom tfal jibqgħu favoriti.
Hu saħaq, “Iż-żmien ta’ meta konna żgħar konna sitt aħwa kollha nilgħabu flimkien mal-familja – nanniet, aħwa u l-familja kollha magħquda konna mmorru l-villeġġjatura ta’ San Pawl il-Baħar naħseb dawk huma l-aktar memorji għal qalbi li għandi li ma ninsa qatt.”
Ftit tal-jiem ilu, Daniel sar missier għat-tieni darba, fejn spjega kif kien fortunat li ma leħaqx id-dħul tal-miżuri stretti u seta’ jqatta’ kull mument ma’ martu meta welldet.
Kompla jgħid, “Differenti mill-ewwel wild għax stajt ngħaddi l-esperjenza kollha magħha izda minkejja ċ-ċirkostanzi kollha t-tim ta’ Mater Dei kien ta’ barra minn hawn u kif tara lit-tarbija f’idek baby Carla tinsa’ kollox dak il-ħin.”
L-appell ta’ Daniel kien wieħed, dak biex nibqgħu nsegwu l-appelli tal-awtoritajiet biex ngħaddu minn dawn il-mumenti kemm jista’ jkun malajr b’wiċċ il-ġid.
“U ngħidilkom ejja l-aħħar naqra. Ma nirrilassawx għalissa biex ma nitilfux dak kollu li ksibna s’issa u meta jgħaddi kollox nifqgħu kullimkien.” Temm jgħid Daniel.