Żewġ żgħażagħ sofrew ġrieħi wara li kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku fi Triq Ħal Qormi, f’Ħal Luqa.
Irriżulta li fis-siegħa u għaxra tal-Ħadd filgħodu, ġuvni ta’ sebgħa u għoxrin sena minn Ħal Qormi tilef il-kontroll tal-vettura li kien qed isuq, bil-konsegwenza li baqa’ dieħel f’parapett ta’ residenza.
Flimkien miegħu kien hemm tfajla ta’ ħamsa u għoxrin sena minn Ħal Qormi wkoll.
Tim mediku mill-isptar Mater Dei issejjaħ fuq il-post sabiex jassistu lill-vittmi. Aktar tard il-ġuvni ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li t-tfajla ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.