Matul is-sena li għaddiet, is-Cyber Crime Unit tal-Pulizija kienet involuta f’iktar minn 240 każ li ġew mibdija wara rapporti li saru mill-pubbliku.
Dan wara li dawn sfaw vittmi ta’ frodi onlajn. Dawn il-każijiet jinkludu persuni li bagħtu flejjes wara li rċevew xi forma ta’ messaġġ jgħarrafhom li rebħu xi somma flus jew jinfurmahom b’xi forma ta’ bżonn urġenti li għalih kien hemm il-ħtieġa li jiġu miġbura xi flus malajr. Każijiet oħrajn jinkludu persuni li ppruvaw jixtru jew ibiegħu xi ħaġa permezz tal-internet u sabu ruħhom f’diffikulta’.
F’messaġġ li qed isir intqal li l-appell tal-Pulizija jibqa, li f’ każijiet bħal dawn, huwa importanti li wieħed jiċċekja dwar il-kredibilta tal-messaġġi li jirċievi qabel ma jikkorrispondi jew jibgħat dettalji lura lil min ikun bagħat il-messaġġ.
M’għandna qatt inħallu jimpressjonawna messaġġi li jħeġġuna biex nagħmlu xi ħaġa ta’ malajr.
Intqal li l-istess kif nagħmlu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, anke fuq l-internet għandna dejjem inqisu kull pass li qed nagħmlu billi nistaqsu lilna nfusna nafux verament ma’ min qegħdin ninnegozzjaw u x’inhuma r-rimedji li għandna jekk xi haġa tmur ħażin.
Fuq kollox il-messaġġ hu li meta niltaqgħu ma’ opportunita’ li hija tajba wisq biex tkun vera, probabbilment m’hijiex vera … anke fuq l-internet!