Ser jidħlu f’fażi oħra x-xogħlijiet fiċ-Ċentru Akwatiku t’Għawdex, biex b’investiment ta’ għaxar miljun ewro, il-Gżira Għawdxija għall-ewwel darba jkollha pixxina.
F’Konferenza tal-Aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex Jusyne Caruana, qalet kif il-ħolma ta’ ħafna sportivi qed tiġi imwettqa minn dan il-Gvern wara bosta snin ta’ stennija.
Wara li ntemm il-proċess tal-iskavar, liema proċess kien issorverjat mis-Supretendenza tal-Patrimonju Kulturali, issa jmiss li jibena l-kumpless li ser jospita dawn il-faċilitajiet, li mistennija jtaffu mhux ftit l-iskariġġ tal-atleti Għawdxin li sal-lum għadhom jaqsmu lejn Malta biex jipprattikaw id-dixxiplina sportiva tagħhom.
Mifrux fuq ħamest elef u tmien mitt metru kwadru, dan iċ-ċentru Akwatiku se joffri l-faċilità li l-pixxina tintuża għal kompetizzjonijiet tal-waterpolo u għal dixxiplini akwatiċi oħra.
Barra minn hekk f’dan il-proġett state of the art, se jkun hemm ukoll multi-purpose community pool, gym, u faċilitajiet oħra bħal kamra għall-first aid.
Il-President tal-klabb tal-Water Polo f’Għawdex, in-Nutar Enzo Dimech, stqarr kemm kien ilu jinħass il-bżonn għall-pixxina f’Għawdex.
Dr. Dimech awgura li l-proġett jitlesta fiż-żmien stipulat biex it-tfal u żgħażagħ tal-Klabb Għawdxi tal-Water Polo, li illum jammontaw għal 150, ikollhom faċilitajiet kif jixraq bħal ma’ għandom klabbs oħra f’Malta.